Joe M. Zahra
Eks Editur u Opinjonista
L-Istrett ta’ Hormuż hu biss parzjalment miftuħ. Iżrael għadu jattakka bla ħniena lil Libanu. Veru li kienu l-Hesbollah li bdew il-ġlied ma’ Iżrael u li baqgħu jitfgħu missili u droni lejn Iżrael, iżda mal-ħażin m’għandux jeħel ukoll it-tajjeb!
Id-dinja m’għadhiex tingħaraf. Il-liġi internazzjonali qed tiġi injorata minn min hu f’saħħtu. Putin ikkundanna l-gwerra fil-Lvant Nofsani. Donnu nesa li erba’ snin ilu invada l-Ukrajna u għadu jitfagħlhom il-missili u d-droni kuljum. Jekk l-Ukrajna ma ħadhiex mhux minnu naqas. Iżda sab pajjiż li lest jagħmel is-sagrifiċċji għas-sovranità tiegħu. U waqaflu!
Dejjem jara x’ser jakkwista Trump ħataf lil Maduro tal-Venezuela. Mhux għaliex qatt kelli grazzja miegħu. Anqas il-poplu Venezwaljan ma jidher li kellu! Trump ried Greenland. Irid il-Kanada bħala stat Amerikan. Dejjem jara x’se jakkwista għaliex ta’ quddiem f’dak li jagħmel huma interessi finanzjarji.
Anke fil-każ tal-Golf ta’ Hormuz fejn l-Iran qed jitlob ħlas kull barmil żejt li jgħaddi ried li jkun sħab mal-Iran! Fil-każ tal-Ukrajna Trump irid li dan il-pajjiż iċedi partijiet minnu lir-Russja. Min jaf kieku r-Russja tiddeċiedi li tieħu Alaska kienx jirraġuna l-istess!
Fil-każ ta’ Kuba, li wkoll irid jieħu, beda billi ma ħalliex timporta żejt. Mill-ġdid ma naqbilx mar-reġim komunista ta’ Kuba. Iżda tanker Russu biż-żejt tħalla jidħol Kuba. U Trump ma qal xejn. Mhux talli hekk talli neħħa s-sanzjonijiet minn fuq iż-żejt Russu li diġà kien fuq il-baħar bl-iskuża li dan kien meħtieġ biex jagħmel tajjeb għal dak li ma kienx għaddej mill-Istrett ta’ Hormuż.
Kultant ikollok tistaqsi x’hemm bejn Trump u Putin biex il-President Amerikan jakkomoda daqshekk lil dak Russu anke akkost li jiġġieled mal-alleati tiegħu fl-Ewropa.
L-Istrett ta’ Hormuz
Filwaqt li nirrepeti li m’għandi ebda simpatija mar-reġim Iranjan anqas naqbel mal-attakki li mal-gwerra bejn l-Amerika u Iżrael kontra l-Iran. L-Amerika u Iżrael kellhom f’moħħhom li jeqirdu l-materjal maħżun fl-Iran li minnu jsiru l-armi nukleari. Kellhom f’moħħhom li jibdlu r-reġim fl-Iran f’wieħed demokratiku. Żewġ miri li naqbel magħhom. Iżda mhux talli dan iż-żewġ miri ma ntlaħqux talli llum spiċċajna bl-Istrett ta’ Hormuż magħluq, filwaqt li qabel ma kienx.
Għandna istalazzjonijiet tal-gass li ġew attakkati f’wieħed mill-pajjiżi tal-Golf u li biex jiġu lura għan-normal qed jgħidu li jridu bejn tlieta u ħames snin. Għandna Iran li żdiditilha l-arja, anke jekk kissrulu pajjiżu. Iran b’reġim iżjed totalitarju milli kien. B’talbiet li allaħares jiġu milqugħa.
L-Amerika u Iżrael ħasbu li bl-attakki mill-ajru ser iġibu l-Iran għarkupptejh. Jien dejjem irraġunajt li jekk Hesbollah u Hamas kienu kapaċi jibnu sistema ta’ minn fejn jaħżnu missili u armenti oħrajn aħseb u ara x’għandu l-Iran li jmexxihom hu. Li huma ‘proxies’ tiegħu.
X’ġaralu Trump f’daqqa waħda! Dan tela’ bil-għajta li qatt iżjed ma’ jidħol fi gwerer. Mill-poter qed jagħmel il-kuntrarju. U għal dak li qed jagħmel kien hemm min irrikmandah għan-Nobel Price. Fosthom il-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ pajjiżna!
Quddiem dan kollu, quddiem dan il-kroll tal-liġi internazzjonali, l-Ewropa ma tistax tibqa’ passiva. Ma tistax tibqa’ taqta’ lura. Trid turi determinazzjoni u għaqda. Irid ikollha sistema ta’ difiża fejn ma tkunx tiddependi iktar mill-Amerika. Trid tiddeċiedi darba għal dejjem li hi potenza daqs l-Amerika u ċ-Ċina u tieħu l-miżuri kollha biex dak li temmen fih tattwah.
Lil Donald Trump illum nafu li ma tistax tafdah. Dan filgħodu jgħid mod u waranofsinhar mod ieħor. U sa filgħaxija jerġa’ jbiddel! Hu realtà ġdida li d-dinja trid tirrikonoxxi.
Integration, sovranità, newtralità. Kelma tal-aħħar. Robert Abela ftit jiem ilu tenna li allaħares ma konniex newtrali għaliex kieku ilum konna nkunu fl-istess sitwazzjoni ta’ ħafna pajjiżi oħrajn. Man-newtralità f’Malta jaqbel kulħadd. Għaliha vvutaw ukoll il-membri parlamentari Nazzjonalisti għaliex kieku ma għadditx! Tajjeb iżda nfakkar li kieku għaddiet tal-gvern Laburista mmexxi minn Dom Mintoff u Malta integrat mar-Renju Unit u saret parti minnu, kieku aħna mhux biss bażi għandna bħalma l-Ingliżi għandhom f’Ċipru iżda kieku aħna parti mir-Renju Unit bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu. Li m’aħniex parti mir-Renju Unit hu grazzi għall-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Ġorġ Borg Olivier.
F’nofs dan il-baħar ta’ inkwiet li fih daħħluna l-Amerika u Iżrael fil-Lvant Nofsani u r-Russja fl-Ukrajna jrid ikollna difiża tajba. Difiża biex inħarsu l-integrità terittorjali tagħna, is-servizzi li għandna li jgħaddu minn taħt il-baħar u l-impjanti tar-reverse osmosis li jiddependi mill-baħar madwarna. Jekk ma jkollnix il-mezzi biex niddefendu lilna nfusna ħadd mhu se jiddefendina!
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 19 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

