Dione Borg
Kandidat PN
Ħdax-il Distrett
Qed nirreferi għad-dikjarazzjoni tiegħu li meta Robert Abela sar Prim Ministru hu kien issuġġerielu l-kuntratt bejn il-Gvern Laburista Malti u Steward dwar l-isptarijiet kellu jitwaqqaf. Chris Fearne xehed ukoll li Robert Abela, li kien għadu kif laħaq Prim Ministru, kien qallu li ried iktar żmien sabiex jidħol u janalizza din is-sitwazzjoni u li għalhekk kien se jwaqqaf kumitat interministerjali dwar dan.
Ma ninsews li waħda mill-ewwel laqgħat li Robert Abela kellu bħala Prim Ministru kienet propju ta’ Steward fil-preżenza tal-Eks Prim Ministru Muscat. Qatt ma kien stabbilit jew żvelat x’intqal f’din il-laqgħa u għadu nhuwiex stabbilit x’kien ir-rwol ta’ Muscat fl-istess laqgħa.
Dikjarazzjoni ta’ valur
Din id-dikjarazzjoni għandha valur għaliex anki jekk tkun meħuda barra mill-kuntest u tkun analizzata weħidha tagħti raġun lill-PN li f’dak il-perjodu kien qed jiġġieled bil-qawwi biex il-gvern iwaqqaf il-konċessjoni lil Steward u jerġa’ jieħu f’idejh l-isptarijiet Maltin. Bla dubju li d-dikjarazzjoni ta’ Chris Fearne lil Robert Abela saret kunfidenzjalment u mhux fil-pubbliku għaliex fil-verità, fil-pubbliku, il-PL kollu mill-ministri sal-inqas deputat, kienu għaddejjin b’kampanja biex isostnu li dan il-ftehim kien wieħed ta’ benefiċċju għall-poplu Malti. Din id-dikjarazzjoni turi d-double game li kien qed jilgħab il-gvern Laburista meta fil-pubbliku jitkellem mod u internament jesprimi pożizzjoni differenti.
Minkejja l-parir li Chris Fearne qal li kien ta lil Robert Abela biex iwaqqaf il-kuntratt lil Steward, ir-responsabbiltà politika kienet titlob ħafna iktar. Konvint li Chris Fearne wasal għal dik id-deċiżjoni dwar it-terminazzjoni tal-kuntratt għaliex kellu informazzjoni u provi li l-kuntratt ma kienx qed ikun onorat min-naħa ta’ Steward.
Apparti li din id-dikjarazzjoni tikkuntrasta mal-fatt li lill-poplu Malti, Chris Fearne kien qallu li ‘this is the real deal’ u apparti l-fatt li fuq it-televiżjoni Chris Fearne kien tant ċert li l-ftehim kien se jirnexxi li kien qal li jekk in-Nazzjonalisti ma jridux imorru f’dawn l-isptarijiet suppost modernizzati allura ma jmorrux, il-fatt li Robert Abela ma ħax il-parir ta’ Chris Fearne, iqanqal ħafna mistoqsijiet.
Dan għaliex Robert Abela baqa’ sal-aħħar jiddefendi lil Steward u sal-aħħar baqa’ u għadu jsostni li l-poplu Malti kellu fair deal minn dan id-deal. Hu misterjuż wkoll kif Chris Fearne spiċċa jaċċetta l-pożizzjoni tal-Gvern Malti fl-arbitraġġ meta l-parir tiegħu kien li l-ftehim kellu jitwaqqa’.
Il-PN biss iddefenda l-interess nazzjonali. Quddiem il-qorti, kif kellu u għandu kull dritt jagħmel, Chris Fearne iddefenda l-pożizzjoni billi tefa’ kollox fuq Konrad Mizzi u fuq Robert Abela. Dwar Konrad Mizzi, Chris Fearne xehed li dan kien iwarrbu minn kull deċiżjoni waqt li dwar Robert Abela qal li kien tah parir li l-kuntratt jitwaqqaf. Bejn il-linji, din tfisser li d-deċiżjoni li l-Gvern jibqa’ għaddej bil-kuntratt kienet ta’ Robert Abela u mhux tiegħu.
Għamel sew Chris Fearne xehed bil-mod kif xehed la din kienet il-verità iżda hu ta’ dispjaċir li ma kien hemm ħadd mill-Gvern Laburista li ddefenda lill-poplu Malti quddiem Steward. Għamel sew li ddefenda lilu nnifsu Chris Fearne iżda l-obbligu politku tal-Gvern Malti kien li jiddefendi lill-poplu Malti fil-konfront ta’ min kien qed jisirqu €900 miljun. Dan ma sarx u għalhekk il-gvern Laburista kollu hu politikament responsabbli.
Chris Fearne xehed ukoll li d-deċiżjoni tal-qrati Maltin fil-kawża ta’ Adrian Delia li ddeċidew li l-kuntratti kienu nulli kienet fil-fatt waħda li l-Gvern Laburista kkunsidra bħala li kienu favur il-gvern Malti. Dan hu l-kuntratrju ta’ dak li fil-Parlament u fl-arena politika kien qed jgħid il-Prim Ministru Robert Abela meta kien iddikjara li bil-każ li kien għamel, Adrian Delia kien ippreġudika l-pożizzjoni tal-Gvern Laburista fil-konfront ta’ Steward. Issa Chris Fearne jiddikjara l-oppost u għall-inqas jgħid il-verità u jiddikjara li dik il-kawża kienet favur il-poplu Malti.
Allura jekk il-kawża li għamel Adrian Delia issa Chris Fearne qed jammetti li kienet favur il-gvern Malti allura x’żammu lill-istess gvern milli jidħol parteċipi fiha? Possibbli ħadd mill-esperti legali tal-Gvern Malti ma tah parir biex ikun parti minn din il-kawża li hu stabbilit mill-istess Eks Deputat Prim Ministru li kienet fl-interess tal-poplu Malti.
Min jaf x’hemm li l-poplu Malti għadu ma jafx dwar l-iskandlu tal-isptarijiet!
Min jaf kemm hemm dikjarazzjonijiet li għad iridu jsiru li jkomplu jixħtu iktar dawl fuq dan l-ikbar skandlu li twettaq fl-istorja politika Maltija!
Jipprovaw kemm jipprovaw jitfgħu fuq xulxin biex jeħilsu mir-responsabbiltà kriminali, ir-responsabbiltà politika tibqa’ tiġri warajhom għaliex huma, il-Partit Laburista kollu fil-gvern, hu responsabbli politikament għas-serq ta’ €900 miljun minn flus il-poplu.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 19 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

