Mark A. Sammut Sassi
Il-ġimgħa l-oħra, mort konferenza li saret fis-Senat tar-Repubblika f’Ruma, organizzata minn grupp Kattoliku ta’ Konservattivi Taljani. Ħadu sehem xi membri parlamentari tal-partit ta’ Giorgia Meloni, kif ukoll parlamentari mill-Awstrija, jisimha Gudrun Kugler. Id-diskors li tat Dr Kugler laqatni, u rrid naqsam il-punti saljenti tiegħu mal-qarrejja ta’ dil-gazzetta. Ma’ kull punt li semmiet hi, se nqabbel il-qagħda f’Malta.
Maġġoranza konservattiva
Dr Kugler qalet li fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej hemm maġġoranzi konservattivi, iżda ta’ sikwit jiġri li ma jiggvernawx minħabba li jkunu maqsumin. Dan jippermetti lil-liberali u l-progressisti jimponu l-aġenda tagħhom, minkejja li jkunu minoranza. Dan iseħħ fil-Ġermanja, Spanja, l-Awstrija u r-Renju Unit – fejn hemm qasmiet fi ħdan il-maġġoranza konservattiva. Saħqet li hu essenzjali li l-Lemin jingħaqad ħalli jilqa’ għall-kriżi tal-popolazzjoni, tal-ekonomija, u tas-soċjetà.
Jien naħseb li dal-punt jgħodd għal Malta. Nemmen li l-maġġoranza tal-Maltin iħaddnu ħsieb konservattiv, imma dil-maġġoranza hi maqsuma minħabba f’lealtajiet storiċi għall-partiti. Dari l-Labour kien konservattiv; illum sar progressist u liberali. Il-Partit Nazzjonalisti, li dejjem kien qrib ideat Kattoliċi u konservattivi, hu d-dar naturali għal dal-Laburisti li llum huma skomdi fi ħdan il-Labour liberali. Jeħtieġ li l-Lemin Konservattiv jingħaqad.
Populiżmu?
Fl-Ingilterra u d-dinja li tħaddem l-ilsien Ingliż, kompliet Dr Kugler, “populiżmu” jfisser “li tisma’ lill-poplu” u tiġdid demokratiku anti-elite. Fl-Ewropa, iżda, ifisser “soluzzjonijiet sempliċistiċi u mhux realistiċi biex jinkisbu l-voti faċli” – kważi demagoġija. Il-Papiet jinqdew bit-terminu fis-sens Ewropew. Jeħtieġ li dat-terminu jibda jintuża tajjeb, ħalli l-poplu ma jitfixkilx u ma tingħatax l-impressjoni ta’ xi qtugħ mill-Knisja. Fid-diskors politiku Kattoliku-konservattiv m’għandux ikun hemm il-kelma “populiżmu” iżda “politika mibnija madwar in-nies”.
Jien naqbel għalkollox miegħu dal-ħsieb. Jeħtieġ li l-politika tkun qrib tan-nies komuni, u tkun mibnija madwar in-nies komuni, mhux madwar il-għonja jew dawk tal-qalba. Il-poplu hu sovran, u l-politiċi jridu jirrispettawha dik is-sovranità, mhux biss bil-kliem imma fuq kollox bil-għemil. Wara kollox, Ġesù – il-fundatur tal-Kristjaneżmu, il-fidi mħaddna mill-Knisja Kattolika – ma ġiex biex isalva esklussivament lill-għonja, imma lin-nies komuni. Tant li qal li ‘huwa eħfef għal ġemel li jgħaddi minn għajn ta’ labra milli għal wieħed għani li jidħol fis-Saltna ta’ Alla.’
Nazzjonaliżmu?
Dr Kugler fissret kif in-nazzjonaliżmu jimplika l-esklużjoni, is-superjorità, ir-radikaliżmu, u hi tippreferi “patrijottiżmu” u “responsabbiltà lejn in-nazzjon”, u diskors dwar “ir-Raġuni, id-dinjità tal-bniedem u s-sovranità”. “In-nazzjon tiegħi l-ewwel u qabel kollox” mhux kliem sabiħ iżda lanqas ma hu kontradizzjoni, anzi hu proprju l-kompitu tal-politiċi. Jista’ jiġi kkonċiljat mal-eżiġenzi ta’ nazzjonijiet oħrajn.
Bħalma kien argumenta Oliver Friggieri fis-snin ’90, l-isem tal-Partit Nazzjonalista jaf iwassal għal ċerta perplessità. Però, jidhirli li n-Nazzjonalisti Maltin jimxu ħafna ma’ dak li qalet Dr Kugler. Is-slogan tal-elezzjoni tal-2016, ngħidu aħna – “Jien Nagħżel [lil] Malta” – kien proprju distillazzjoni tal-prinċipji li elenkat hi: patrijottiżmu u responsabbiltà lejn in-Nazzjon. Il-politiku integru jħobb lil Artu (patrijott) u jimxi b’integrità (responsabbli lejn in-Nazzjon). Il-maġġoranza konservattiva dan trid: imħabba lejn Art Twelidha u politika responsabbli li tpoġġi d-dinjità tal-bniedem qabel kull kunsiderazzjoni oħra.
Ritorn għall-prinċipji fundamentali
Parti oħra mid-diskors ta’ Dr Kugler kien dwar il-“kontro-rivoluzzjoni”, jiġifieri ritorn għall-prinċipji fundamentali kontra l-eċċessi moderni bħalma huma s-sekolariżmu radikali, ir-relattiviżmu, u l-inġinerija soċjali. Dal-prinċipji fundamen-tali jinkludu d-dinjità tal-bniedem, il-liġi naturali, l-identità kulturali, u l-għeruq Insara tal-Ewropa. F’dal-kuntest, ir-rivoluzzjoni sesswali wieħed jaraha bħala sfida attwali li dgħajfet lill-familja, lill-fidi, u lis-sens komunitarju.
Jien nemmen li dan qed inħossuh bil-goff f’Malta. Il-familja Maltija qed tisfaxxa, il-fidi marret il-baħar, u s-sens komunitarju għoddu għab. Is-sejħa għar-ritorn għall-prinċipji fundamentali hi sejħa li tkebbes kull qalb konservattiva, li trid l-istabbiltà fil-ħajja ta’ kuljum, trid is-sens ta’ wieħed jgħin lill-ieħor, u trid il-kenn ta’ fidi f’qawwa ogħla minn kull bniedem
Il-Partit Popolari Ewropew (PPE)
Dr Kugler esprimiet il-fehma li għall-familja tal-partiti tal-PPE dan kollu jfisser li jinstabu mill-ġdid il-valuri, fuq kollox id-duttrina soċjali tal-Knisja Kattolika. Jeħtieġ li jiftakru min huma u jġeddu l-prinċipji tagħhom. Il-problema, fil-fehma tagħha, mhix biss nuqqas ta’ kuraġġ, imma wkoll konfużjoni reali u għarfien fqir tal-valuri soċjali konservattivi.
Għalhekk, mhix kwestjoni li wieħed jgħaddi miċ-ċentru xellug għaċ-ċentru lemin, imma li ċ-ċentru lemin jiċċara min hu fis-sew. Il-kawża trid tiġi qabel l-interessi partiġjani. Il-PPE jrid ikun ċar dwar min hu l-avversarju u jrid jippermetti lill-konservattivi jissaħħu. Jeħtieġ li jinstabu kompromessi sinifikattivi u tisseddaq il-koperazzjoni. Importanti ħafna atteġġjament ġeneruż u responsabbli, li jevita l-kunflitti personali, aktar u aktar fi żminijiet ta’ kriżi.
Jien jidhirli li ma hemmx xi żżid miegħu dal-kliem.
Valuri tal-Lemin
Fuq livell Ewropew, Dr Kugler għamlet enfasi fuq il-ħtieġa tas-sejbien mill-ġdid tad-duttrina soċjali Kattolika. Dan irid isir billi jintgħelbu d-differenzi bejn il-Lemin aktar reliġjuż tal-Ewropa tal-Lvant u l-Lemin aktar sekolari tal-Ewropa tal-Punent. Il-konservatoriżmu soċjali jeħtieġ jissaħħaħ u jieħu pożizzjoni aktar ċara favur il-ħajja, mingħajr ma jagħfas biss fuq l-immigrazzjoni u l-Iżlam. Il-Kristjaneżmu jeħtieġ jiġi rikonoxxut bħala fidi ħajja li sawret l-Ewropa, u fiċ-ċentru ta’ kollox għandu dejjem ikun hemm id-dinjità ta’ kull persuna.
Mill-ġdid, ma nħossx li hemm xi żżid. Dad-diskors ma setax ingħad aħjar.
Insalvaw l-Ewropa
Biex naħdmu flimkien ħalli niksbu r-riżultati, qalet Dr Kugler, il-kawża trid tiġi qabel l-interessi partiġjani jew il-ksib tal-voti. Jeħtieġ li jintgħaraf l-avversarju komuni u jintgħelbu l-qasmiet interni, billi jiġu sostnuti l-konservattivi fi ħdan il-PPE. Il-koperazzjoni u l-kompromessi huma essenzjali, bħalma hu atteġġjament ġeneruż u responsabbli. Fil-kriżi ma hemmx lok għall-kwestjonijiet personali: hi meħtieġa l-maturità biex tkun salvata l-Ewropa.
Jien nara li dad-diskors jgħodd għal Malta b’mod assolut. Biex tirbaħ il-politika tad-dinjità tal-bniedem, tat-tmexxija responsabbli tal-pajjiż, tal-valuri fundamentali, jeħtieġ li l-Maltin kollha jinsew l-interessi partiġjani u tal-ksib tal-voti. Jeħtieġ li naħsbu f’pajjiżna qabel ma naħsbu fl-interessi tal-partit. Jeħtieġ li l-maġġoranza konservattiva siekta tingħata leħen.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 23 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

