Opinjoni

Opinjoni: Sens ta’ dover u servizz

Pajjiżna qed isejħilna... għandu bżonn paġna ġdida, Gvern Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg bħala Prim Ministru

Angelo Micallef

Lejn tmiem il-ġimgħa li għaddiet l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista approva n-nomina tiegħi sabiex fl-elezzjoni ġenerali li jmiss nerġa’ mill-ġdid inkun kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista fuq it-8 distrett elettorali, jiġifieri fuq id-distrett li jinkludi lil Ħal Balzan, Birkirkara, Ħal Lija, l-Iklin u parti minn Naxxar.
Huwa għalija ta’ unur li l-partit reġa’ wera fiduċja fija u reġa’ sejjaħli sabiex mill-ġdid nirrappreżentah fuq dan id-distrett tant għal qalbi. Minn hawn nieħu l-opportunità sabiex pubblikament inrodd ħajr lill-Eżekuttiv tal-fiduċja tiegħu u nwiegħed ħidma entużjasta.

Battalja kontra gvern bla skrupli
Il-Partit Nazzjonalista għandu biċċa xogħol iebsa quddiemu għaliex irid jissielet kontra gvern li m’għandu ebda skrupli juża kull mezz possibbli sabiex irebbaħ punti elettorali lilu nnifsu. Gvern li m’għandu ebda skrupli juża t-taxxi tagħna lkoll għal skopijiet purament partiġjani intiżi biss biex jagħtu spinta lill-Partit Laburista fil-ħidma elettorali tiegħu.
Dan kollu jitfa’ piż akbar fuq kull min jemmen li pajjiżna għandu bżonn paġna ġdida, Gvern Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg bħala Prim Ministru.
Piż għaliex huwa biss permezz tal-ħidma u l-enerġija tagħna lkoll attivisti ta’ dan il-partit li nistgħu naċċertaw li l-messaġġ tal-partit jasal. Messaġġ pożittiv, messaġġ ta’ partit li għandu viżjoni u pjan, messaġġ ta’ partit li jemmen li l-bniedem għandu jkun fiċ-ċentru tal-politika. Pajjiżna għandu bżonn gvern li jifhem li l-politika ma tistax tkun biss eżerċizzju sabiex tal-qalba jistgħanew imma l-akbar eżerċizzju ta’ servizz lejn il-poplu.

Partit li jispikka fih is-sens ta’ servizz
Dan is-sens ta’ servizz il-Partit Nazzjonalista minn dejjem urieh fl-istorja twila tiegħu. M’għandi ebda dubju li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun partit li fih jispikka sens ta’ servizz. Bħala kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista kommess li noffri s-sehem tiegħi f’din il-ħidma. Noffri dan is-sehem għaliex nemmen fil-politika tal-Partit Nazzjonalista; nemmen fil-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista u nemmen li pajjiżna jixraqlu gvern u tama politika ġdida.

Naħdmu għall-ġid nazzjonali
Din mhijiex kwistjoni ta’ pika, ta’ ġlieda bejn il-blu u l-aħmar, din hija kwistjoni fejn jeħtieġ li naħdmu għall-ġid nazzjonali. Huwa dan is-sens ta’ mħabba lejn il-pajjiż u dan it-twemmin li pajjiżna jixraqlu aħjar li għamilha faċli biex meta ġejt mitlub inkun kandidat għedt iva mingħajr tlaqliq. Hi din il-politika pożittiva li hija tassew sors qawwi ta’ ispirazzjoni.
Ħerqan li nkun viċin in-nies; ħerqan li nitgħallem mingħand in-nies, li nifhem il-problemi ta’ kuljum, li nifhem l-ambizzjonijiet tan-nies u li nifhem in-nies fejn iridu jaraw lil pajjiżna. Ħerqan biex inkun il-vuċi tan-nies, li nara li l-interessi tar-residenti ta’ Ħal Balzan, Birkirkara, Ħal Lija, l-Iklin u n-Naxxar jiġu mħarsa. Ħerqan biex nara li l-politika pożittiva tal-Partit Nazzjonalista tasal għand kull dar u kull bieb. Ħerqan biex inwassal il-messaġġ li l-bieb tagħna huwa miftuħ għal kulħadd. Ħerqan għall- opportunità li nkompli nkun ta’ servizz.
Naturalment meta ġejja l-elezzjoni ġenerali ma nafux; jaf qegħdin ftit ġimgħat ’il bogħod, jaf qegħdin madwar sena ’l bogħod. Tiġi meta tiġi jeħtieġ li naħdmu daqslikieku hija l-ġimgħa d-dieħla.
Jeħtieġ li naraw li nkunu dejjem preżenti, elezzjoni jew le. Jeħtieġ li naraw li nkunu dejjem qrib in-nies. Il-politiku għandu jkun ta’ servizz mhux darba kull ħames snin imma kontinwament b’sens ta’ dedikazzjoni u vokazzjoni.
Ejja nħarsu lejn il-futur b’kuraġġ, ejja ma nħallux lil min jaqtgħalna qalbna jew li b’xi mod nibdew nemmnu li kollox ta’ xejn. Ejja nxammru l-kmiem u naħdmu lkoll flimkien, tmexxija, kandidati, membri tal-fergħat u kumitati, tesserati u attivisti.
Ejja nemmnu li nistgħu naslu. Pajjiżna qed isejħilna; pajjiżna għandu bżonn l-enerġija u l-ħidma tagħna.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 23 ta’ April, 2026.