Andre Carlos Spiteri, raġel ta’ 27 il-sena ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li allegatament attakka ġara tiegu b’sikkina. L-akkużat huwa rrappurtat li jbati minn mard mentali u ddaħħal f’Mount Carmel wara l-attakk. Din mhix l-ewwel kundanna ta’ Spiteri u bħalissa qed isservi sentenza sospiża wara li wieġeb ħati xi sena li weġġa lil raġel ieħor is-sena li għaddiet.
Nhar il-Ħamis, Spiteri deher quddiem il-Maġistrat Abigail Critien fejn wieġeb mhux ħati li weġġa’ gravi lil ġar tiegħu kif ukoll li uża sikkina. Id-difiża talbet li jingħata ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni ma qablux ma’ din it-talba għall-ħelsien mill-arrest u qau li minħabba l-fatt li l-vittmi għadhom ma xhiedux, hemm il-biża li l-akkużzat jbagħbas l-evidenza fil-każ li għaddej.
L-avukat ta’ Spiteri argumenta li dan il-każ mhuwiex daqshekk “one-sided” daqs kemm jidher u jemmen li r-raġuni vera għaliex l-allegati vittmi għadhom ma xhiedux hija għaliex huma wkoll huma ħatja u billi jixhdu, se jiffaċċjaw proċedimenti kriminali huma stess.
Qal lill-qorti li m’hemm l-ebda raġuni għaliex il-biża’ ta’ tbagħbis tal-evidenza għandha taqa’ fuq parti waħda biss, u li l-akkużat huwa wkoll vittma li sofriet ġrieħi, minkejja li hu biss qed jiġi akkużat.
Il-parte civile qalu lill-qorti li din hija biss preżunzjoni min-naħa tad-difiża u m’hemm l-ebda prova li l-vittmi kellhom raġun jinstabu hatja. L-ispettur fuq il-każ ikkonferma li ma kien hemm l-ebda evidenza li tissostni l-allegazzjonijiet tad-difiża.
Huwa kompla biex jgħid li anke jekk Spiteri jingħata l-ħelsien mill-arrest, xorta jibqa’ jgħix ħdejnn l-allegat vittma għax dawn ġirien. Għalhekk hemm ċans kbir li ż-żewġ partijiet jiltaqgħu spiss, anke jekk tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma kontra l-akkużat.
Il-prosekuzzjoni żiedet ukoll li wara l-attakk b’sikkina, l-akkużat daħal f’Mount Carmel u ngħata ordni ta’ trattament.
Id-difiża argumentat li mkien fil-liġijiet ta’ Malta ma jgħid li wieħed m’għandux jingħata l-ħelsien mill-arrest minħabba li jkun qatta’ żmien fi sptar psikjatriku. Fil-fatt, id-difiża argumentat li peress li kien lesta l-ordni ta’ trattament tiegħu u nħeles, ma kien hemm l-ebda raġuni legali għaliex il-ħelsien mill-arrest m’għandux jingħata.
Il-qorti semgħet liż-żewġ naħat u ddeċidiet li l-ħelsien mill-arrest m’għandux jingħata minħabba l-biża’ li jbagħbas mal-evidenza fil-każ li għaddej.
Inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma kontra l-akkużat.
Dan il-każ ġie ippresedut minn Abigail Critien.
L-Ispettur Antonello Magri mexxa l-prosekuzzjoni.
//= $special ?>

