Lokali

Serata li fiha ngħatat tislima lil Francis Zammit Dimech

Permezz ta’ inizjattiva mill-MEP Peter Agius, il-PN fakkar l-ewwel anniversarju mill-mewt ta’ Francis Zammit Dimech b’dokumentarju ġdid bit-titlu ‘Dak kien Francis’.


L-eks Ministru Nazzjonalista Francis Zammit Dimech dejjem sostna li kien għalih privileġġ li jkun il-vuċi tan-nies. Dik il-vuċi kienet stmata u rispettata. U dan reġa’ kien xhieda waqt it-tnedija ta’ dan id-dokumentarju li fakkar min kien Francis f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-mewt tiegħu.


Il-preżentazzjoni ta’ dan id-dokumentarju għal diversi persuni li kienu qrib Francis tul is-snin, saret f’Lukanda f’Tas Sliema fuq inizjattiva tal-ewro-parlamentari Peter Agius…illi qal li Francis Zammit Dimech ħalla legat warajh li ħaqqu jkompli jiġi rikonoxxut. Semma’ kif fil-Parlament Ewropew qed jaħdem fuq bosta temi li ħadem fuqhom Zammit Dimech inkluz temi fil-qasam tas-sahha; bħad-dijabete u l-ġlieda kontra l-Kanċer.


F’kelmtejn tal-okkazzjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg sellem il-memorja ta’ Francis Zammit Dimech, u qal li hu jiftakru dejjem bħala politiku mhux tal-files u l-liġijiet biss iżda persuna li dejjem wera interess ġenwin fuq kull esperjenza u sitwazzjoni tal-individwi li iltaqa’ magħhom. Dan, qal Alex Borg għandu jibqa’ eżempju għal kulmin jgħix il-ħajja pubblika jew politika.


Is-serata kienet preżenta Kark Agius li ħadem mill-qrib ma’ Francis Zammit Dimech meta kien Membru Parlamentari Ewropew.