Lokali

“Wasal iż-żmien li int tieħu ħinek lura” – Il-Kap tal-PN Alex Borg

Il-Kap tal-PN Alex Borg jispjega kif il-Partit Nazzjonalista għandu pjan olistiku biex jitnaqqas it-traffiku

“Wasal iż-żmien li int tieħu ħinek lura.”

F’messaġġ fuq il-media soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li llum it-traffiku m’għadux biss sors ta’ stress u dwejjaq ta’ kuljum, iżda sar piż fuq il-familji, fuq in-negozji u fuq il-ħajja tan-nies.

Kuljum qed jintilef ħin prezzjuż fit-triq, u filwaqt li n-nies qed iħallsu dan il-prezz, il-Gvern ħela s-snin jitkellem fuq it-trasport tal-massa mingħajr ma wasal imkien.

Alex Borg qal li lanqas il-membri tal-Gvern bejniethom mhuma qed jaqblu fuq il-pjan biex jitnaqqas it-traffiku għax filwaqt li l-Prim Ministru jgħid mod, il-Ministri tiegħu jgħidu mod ieħor – inkluż il-Ministru li suppost qed jaħseb għall-finanzi tal-proġett tat-trasport tal-massa.

Sadanittant, sena wara sena, il-pajjiż qed jibqa’ mwaħħal u Malta llum għandha l-ogħla konġestjoni tat-traffiku fl-Ewropa, u t-tieni fid-dinja.

Għall-kuntrarju, qal Alex Borg, il-Partit Nazzjonalista jaf eżatt fejn irid imur f’dan il-qasam u deċiż li jasal.

Fl-ewwel mitt jum tiegħu, Gvern Nazzjonalista jvara l-qafas ta’ implimentazzjoni biex jitwettaq il-proġett ta’ mass rapid transport u fi żmien ħames snin tibda topera l-ewwel linja tiegħu.

Iżda sadanittant, jiġu implimentati l-ewwel miżuri li jtaffu t-traffiku minnufih: inċentivi biex fejn hu possibbli jiżdied ir-remote working, u tissaħħaħ il-produttività, jiġi organizzat trasport kollettiv aħjar u jkun żgurat li l-priority lanes jaħdmu tassew.

“Għall-Partit Nazzjonalista, it-traffiku mhuwiex skuża. Huwa sfida li rridu nsolvu u ċans biex nibnu pajjiż li jaħdem aħjar u jgħix aħjar. Wasal iż-żmien li int tieħu ħinek lura” temm il-messaġġ tiegħu Alex Borg.