Lokali

Żagħżugħ fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ f’bokka ta’ lift fin-Naxxar

Żagħżugħ ta’ 29 sena residenti l-Ħamrun jinsab l-isptar Mater Dei jissielet għal ħajtu wara li waqa’ fil-bokka tal-lift waqt li kien qed jagħmel xi xogħolijiet in-Naxxar.

L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ l-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar, fi Triq in-Nutar Debono, Naxxar.

Il-Pulizija marret fil-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li ż-żagħżugħ waqa’ madwar erba’ sulari.

Fuq il-post issejjħu membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku sabiex jassistu u ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ta’ natura serji u li jinsab fil-periklu tal-mewt.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija, u kif ukoll dawk tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol, għadhom għaddejjin.

Il-Maġistrat Monica Borġ Galea, qed tmexxi inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.