Lokali

Fl-Ewwel ta’ Mejju niċċelebraw il-kisbiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin – PN

Il-Partit Nazzjonalista jħabbar il-programm ta’ attivitajiet għal Jum il-Ħaddiem 2026 li jilħaq il-qofol tiegħu b’Mass Rally f’Ħal Lija fl-Ewwel ta’ Mejju

Il-Partit Nazzjonalista huwa dak il-partit li dejjem emmen fil-ħaddiem, tejjiblu l-kundizzjonijiet, u tah l-opportunitajiet biex jimraħ u biex ikompli jikkontribwixxi għall-ekonomija.

Għalhekk huwa xieraq li f’Jum il-Ħaddiem, nagħtu ġieħ lill-ħaddiema kollha ta’ pajjiżna u niċċelebraw il-kisbiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Dan qalu s-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello meta dalgħodu indirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbru d-dettalji ta’ ġimgħa sħiħa ta’ attivitajiet li se jkun qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista għal Jum il-Ħaddiem 2026.

Il-konferenza stampa – li kienet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister għall-qasam tax-xogħol Ivan Castillo u l-President ta’ Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) Annabelle Cilia – saret ħdejn it-Torri ta’ Ħal Lija fejn se jilħqu l-qofol tagħhom dawn l-attivitajiet proprju bħal-lum ġimgħa, l-Ewwel ta’ Mejju, b’Rally tal-Partit Nazzjonalista li se jkun indirizzat fost l-oħrajn mill-Kap tal-PN Alex Borg.

Il-PN mhux biss minn dejjem kien il-partit li investa fil-ħiliet tal-ħaddiema, kompla Charles Bonello, imma kien u għadu wkoll dak il-partit li ħoloq l-opportunitajiet anke għall-istudenti, b’opportunitajiet ta’ studju kemm f’Malta kif ukoll barra, biex iż-żgħażagħ tagħna jilħqu l-potenzjal tagħhom u meta jasal il-mument, huma wkoll jikkontribwixxu għas-suq tax-xogħol.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN fakkar li fl-Ewwel ta’ Mejju se nkunu qed niċċelebraw ukoll it-22 anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-UE – li wkoll fetħet il-bibien beraħ għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Waqt li tkellem dwar it-track record tal-PN f’dan il-qasam li jinkludi fost l-oħrajn il-ħolqien ta’ niċeċ ġodda ta’ xogħol b’valur għoli u impjiegi b’pagi u kundizzjonijiet tajbin, Charles Bonello kompla li s-sħubija fl-Ewropa kienet il-pass naturali li jmiss. U kien bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista li emmen li l-futur ta’ Malta hu fl-UE, kuntrarju għal ħaddieħor, li s-sħubija fl-Ewropa mbagħad kompliet tibni fuq il-kisbiet li kienu saru u fetħet il-bibien għall-ħaddiema Maltin b’opportunitajiet ġodda anke fuq livell Ewropew.

Ix-Shadow Minister Ivan Castillo tkellem dwar kif qed tinbidel b’rata mgħaġġla d-dinja tax-xogħol u semma l-istatistika riċenti dwar l-istress u l-motivazzjoni tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Hu għalhekk, qal Ivan Castillo, li l-PN qed ikun proattiv u filwaqt li jisma’ dak li għandhom x’jgħidulu l-ħaddiema, qed joħroġ bi proposti li jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet tagħhom.

Hu semma diversi miżuri li ħabbar il-PN għal bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol fosthom dawk marbutin mal-leave, ir-remote working, il-proposta tal-Four-Day Week, u t-tnaqqis tat-taxxa fuq l-ewwel €10,000 li jdaħħal il-ħaddiem mill-part-time u l-overtime. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista hu determinat li jara li l-ħaddiem jibqa’ jiġi l-ewwel, u min iħaddem u l-impjegat jimxu id f’id waqt li jsir aktar investiment fit-teknoloġija, fil-ħiliet u fil-kompetittività, b’enfasi fuq il-flessibbiltà u l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema.

L-ewwel attività pubblika tal-PN għal Jum il-Ħaddiem se ssir illejla fis-6:30pm fil-Grand Hotel f’Għajnsielem Għawdex fejn il-Kap tal-PN se jiltaqa’ mal-imsieħba soċjali Għawdxin biex jiddiskuti magħhom diversi aspetti marbutin mal-qasam tax-xogħol f’Għawdex. Matulha se ssir diskussjoni bis-sehem ta’ nies minn oqsma differenti tal-ħajja f’Għawdex. Stefan Xerri, Matthew Grech, Margaret Spiteri, Joseph Mercieca, Paulina Said u Philip Spiteri se jittrattaw temi differenti bħas-saħħa u l-inklużjoni, l-isport, il-housing affordabbli u t-turiżmu.

Għada l-Moviment Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza konferenza dwar ix-xogħol li dwarha tkellmet Anabelle Cilia. Hi spjegat li din il-konferenza dwar il-valur tax-xogħol tal-ħaddiem se tkun indirizzata mill-Kap tal-PN Alex Borg u se ssir bejn id-9am u 12pm fil-Lukanda Excelsior. Il-konferenza se tittratta żewġ aspetti partikolari: il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet u l-impjiegi fid-dawl tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI).

Fid-diskussjoni, spjegat Annabelle Cilia, li se tkun maqsuma f’żewġ panels, se jieħdu sehem esperti f’dawn l-oqsma li jinkludu lis-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella u l-President tal-GWU Jason Deguara, Alex Falzon, Mikela Fenech Pace, il-Professur Alexiei Dingli, Matthew Caruana u Petra Galea Debono.

L-attività politika ta’ nhar ta’ Ħadd mis-serje “Qrib Tagħkom” din il-ġimgħa se ssir fir-Rabat Għawdex fejn il-Kap tal-PN Alex Borg jieħu sehem f’diskussjoni li se ssir fi Triq Palma fil-11am u li se tkun indirizzata minn numru ta’ kelliema oħrajn.

Bejn it-Tnejn li ġej u l-Ħamis se jsiru numru ta’ żjarat mill-Kap tal-PN f’postijiet tax-xogħol fejn Alex Borg se jkompli jiltaqa’ mal-ħaddiema kif ilu jagħmel b’mod regolari kemm ilu li laħaq Kap tal-PN. Fost l-oħrajn se jsiru żjarat f’kumpaniji f’oqsma differenti fosthom il-qasam tal-finanzi, fil-manifattura, fis-saħħa, il-qasam marittimu u dak tal-avjazzjoni, fl-edukazzjoni u l-qasam tal-agrikoltura u s-sajd.

L-attivitajiet jilħqu l-qofol tagħhom f’Jum il-Ħaddiem, l-Ewwel ta’ Mejju, b’attività tal-massa li se jorganizza l-Partit Nazzjonalista fi Vjal it-Trasfigurazzjoni, Ħal Lija. Il-Mass Rally ħdejn it-Torri ta’ Ħal Lija jibda fil-5pm u l-kelliem prinċipali se jkun il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg.