Hu importanti li l-bdiewa tagħna jkomplu jingħataw l-għajnuna finanzjarja kollha meħtieġa, fosthom b’fondi Ewropej, biex ikomplu jsaħħu l-prodott naturali Għawdxi u Malti.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara li għamel illum waranofsinhar f’razzett f’Ta’ Kerċem bħala parti miż-żjarat fil-postijiet tax-xogħol li l-Partit Nazzjonalista qed jorganizza għal Jum il-Ħaddiem ta’ din is-sena.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu l-opportunità jiltaqa’ mas-sidien u l-ħaddiema, filwaqt li jsegwi mill-qrib il-ħidma li qed issir f’dan is-settur.
Matul iż-żjara, Alex Borg seta’ jara mill-qrib l-isfidi li jiffaċċja s-settur agrikolu, kif ukoll jifhem l-importanza li dan is-settur jibqa’ sostenibbli u jingħata l-appoġġ kollu meħtieġ.
Din iż-żjara serviet ukoll bħala opportunità biex ikun enfasizzat ir-rwol kruċjali tas-settur agrikolu fl-ekonomija Għawdxija, kif ukoll fil-ħolqien tal-impjiegi u t-tisħiħ tal-komunitajiet lokali.
Matul iż-żjara, Alex Borg kien akkumpanjat mill-kandidati tal-PN għal Għawdex Norma Camilleri, Beppe Galea u Frank Anthony Tabone.
//= $special ?>

