Kummerċ Lokali

Il-BOV joħloq dinja virtwali biex jeduka l-klijenti dwar l-iscams

Esperjenza ta’ Realtà Virtwali kontra l-iscams matul il-Ġimgħa Dinjija tal-Kreattività u l-Innovazzjoni

Il-Bank of Valletta qed juri l-impenn kontinwu tiegħu lejn l-innovazzjoni matul il-Ġimgħa Dinjija tal-Kreattività u l-Innovazzjoni. Għal din l-okkażjoni, il-Bank nieda esperjenza ta’ Realtà Virtwali (VR) bl-isem Step into Safety, li għandha l-għan li tgħin lill-klijenti jagħrfu scams, jidentifikaw sinjali ta’ twissija u jipproteġu lilhom infushom minn frodi.

Fit-18 u d-19 ta’ April, l-impjegati tal-BOV stiednu lill-pubbliku biex jesperjenza din il-mixja virtwali f’The Point. Iktar minn 120 persuna ħadu sehem, b’interess qawwi b’mod partikolari minn persuni ta’ ’l fuq minn 40 sena. L-attività interattiva ħeġġet diskussjonijiet dwar it-tattiċi li jużaw l-iscammers u saħħet il-messaġġ dwar prattiċi siguri. Sitt parteċipanti ttella’ isimhom bix-xorti u rċivew voucher ta’ €50 mingħand The Point  bħala ġest ta’ apprezzament. Il-Bank qasam din l-għodda ta’ VR mal-impjegati tiegħu wkoll biex ikunu jistgħu jgħinu lill-klijenti, kif ukoll lill-familjari tagħhom, filwaqt li huma stess jibqgħu attenti u viġilanti kontra l-frodi.

L-innovazzjoni tibqa’ pilastru ewlieni fil-prinċipji tal-BOV, u tmexxi ’l quddiem titjib fil-prodotti, fis-servizzi u fil-proċessi interni, bil-għan li jiġu offruti esperjenzi bankarji aktar siguri u effiċjenti. Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia, qal li l-Ġimgħa Dinjija tal-Kreattività u l-Innovazzjoni tenfasizza l-impatt konkret li jistgħu jħallu l-ideat meta jintużaw biex itejbu l-ħajja tan-nies. Huwa saħaq li l-innovazzjoni hija parti integrali mill-kultura tal-Bank, u li l-BOV jibqa’ impenjat lejn titjib prattiku li jagħmel is-servizzi finanzjarji aktar faċli u siguri għall-klijenti.

Il-Ġimgħa tal-Kreattività u l-Innovazzjoni, rikonoxxuta min-Nazzjonijiet Uniti, tenfasizza l-importanza tal-kreattività u l-innovazzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi u jiġi promoss żvilupp sostenibbli. L-avveniment ittella’ bejn il-15 sl-21 ta’ April. Permezz tal-innovazzjoni, il-BOV jistinka biex joffri servizzi finanzjarji dejjem aktar siguri, aktar intelliġenti u aktar bla xkiel. Barra minn hekk, il-Bank ifittex li jagħti kemm lill-klijenti kif ukoll lill-impjegati l-għodda biex jinnavigaw b’kunfidenza xenarji li dejjem jevolvu.