“Il-Malta li rridu għada tridu tfassluha u qed tfassluha intom illum.”
Kien b’dan il-mod li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg faħħar l-involviment taż-żgħażagħ fil-politika, u saħaq fuq ir-rwol tagħhom fit-tiswir tal-futur tal-pajjiż. Dan meta kien qed jindirizza seduta speċjali tal-Parlament taż-Żgħażagħ fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna.
Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista irrimarka kif ġew diskussi temi importanti bħat-traffiku, il-protezzjoni tad-dejta, l-użu tal-ispazji u s-saħħa mentali. U faħħar l-ideat proattivi li ressqu ‘l quddiem il-parteċipanti.
Fost it-temi ewlenin ġew diskussi l-ansjetà u l-istress fost l-istudenti. Bil-Kap jgħid li għandha ssir iktar ħidma biex l-edukazzjoni tkompli tevolvi u tirrifletti l-ħtiġijiet tal-lum.
Fil-Parlament, tkellmet ukoll ix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Gvern Lokali, Bernice Bonello illi tkellmet dwar l-importanza li jkun hemm ċentru għaż-żgħażagħ f’kull lokalita, fejn fih ikunu jistgħu jmorru jqattgħu ħin ta’ kwalità u jintegraw ma’ sħabhom. Hi qalet li huwa d-dmir tal-politiċi li jisimgħu l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u jattwaw il-proposti li ressqu waqt din is-sessjoni.
//= $special ?>

