Fl-aħħar 10 snin, il-Labour propona tlett sistemi ta’ trasport tal-massa. U 10 snin wara…il-Gvern għadu qed jistudja.
Dan hekk kif fl-2016, l-issa eks Ministru Laburista Joe Mizzi kien ħabbar strateġija nazzjonali għat-trasport, bil-għan li jsir Master Plan sal-2025, ċioè sena ilu – trasport tal-massa magħruf bħala Mass Rapid Transit.
Imbgħad, ftit tax-xhur qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2022, jiġifieri fl-2021, il-Ministru Ian Borg, dak iż-żmien responsabbli mit-Trasport ħabbar il-Malta Metro minn Pjazza, Tritoni b’nefqa ta’ kważi nofs miljun ewro…b’tinda, pompi u wegħdiet.
Biex sentejn wara l-istess Gvern Laburista qal li fil-verità rrealizza li dak il-proġett ma kienx vjabbli, u kienet sempliċiment fantażija ta’ kampanja elettorali.
U issa, il-Ministru tat-Traffiku, Chris Bonett, ħabbar mill-ġdid sistema ta’ rapid transit system – bid-differenza illi r-rotta se tinkludi rotta taħt l-art, fuq l-art u anke aktar elevanta, għaddejja minn fuq il-karozzi. Din is-sistema qed tissejjaħ Malta in Mation, u l-frażi metro tneħħiet kompletament.
Il-Ħamis, il-Ministru Chris Bonett ippreżenta dan is-suppost pjan; mingħajr costings u mimli studji ġeotekniċi li se jieħdu madwar 18-il xahar – u cioè jitlestew f’Ottubru 2027.
Net News kien preżenti għal din l-aħħar preżentazzjoni tat-trasport tal-massa, fejn staqsejna dwar il-pjan li għandu l-Gvern – bil-Ministru ma jagħtix garanzija li kollox effettivament se jibda 5 snin oħra; għaliex l-ewwel, kollox irid imur sew.
Wara x-xettiċiżmu ċar tal-Ministru Clyde Caruana b’rabta ma’ dan il-proġett, il-Ministru Chris Bonett qalilna li l-istudji għadhom għaddejjin u huwa Caruana li jħoll u jorbot li jara x’mudell ekonomiku se jkun qed japplika – hekk kif kollox jindika li l-istudji ekonomiċi tanġibbli u kif se jwettqu l-proġett għadu mhux ċar mija fil-mija….minkejja konferenza oħra b’tilja pompi.
Dan ifisser aktar stennija u ebda garanzija li fil-verità se nkunu qed naraw xi ħaġa – għaliex id-dubji huma ċari wara 10 snin ta fantażiji.
Fit-tħabbira li għamel, Bonett spjega li sabiex titlesta linja waħda – imsemmija LaValette – se jgħaddu 15-il sena sħaħ. U li fiha se jkunu inkorporati il-Belt Valletta, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, l-Isptar Mater Dei, l-Università ta’ Malta, Birkirkara u anke Ħal Qormi. Fejn il-Ministru qed jimmira li ħames snin oħra u cioè fl-2031 se jkun għadu qed jibda x-xogħol fuq l-ewwel fażi ta’ din il-linja, mill-Ajruport sal-Belt Valletta.
Fost l-oħrajn il-Ministru Chris Bonett jsostni li biex persuna tmur tas-Sliema bil-Metro, trid tieqaf l-Isptar Mater Dei u sussegwentament taqbad tal-linja tar-Rapid Transit.
Intant, filwaqt li għadna fid-dubju jekk hux se ssir l-ewwel fażi 5 snin oħra, il-Ministru mhux jeskludi li ssir linja oħra…50 sena oħra. Għaldaqstant il-poplu għadu qed jistenna u jittama li wara 15-il sena ta’ wegħdi, l-Gvern jibda xi ħaġa….li għandu jlesti 15-il sena wara – dejjem, skont kif qal il-Ministru, jekk kollox imur sew.
//= $special ?>

