L-investiment li għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti fl-imgħoddi għadu qed joffri opportunitajiet ta’ xogħol imma jrid isir aktar investiment fl-edukazzjoni biex naraw li qed nagħtu liż-żgħażagħ it-taħriġ meħtieġ biex jisfruttaw dawn l-opportunitajiet.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg dalgħodu żar il-kumpanija National Insurance Brokers Ltd fejn intlaqa’ mid-Direttur Finanzjarju Eżekuttiv Antoine Portelli u d-Direttur Maniġerjali Judith Galea, u tkellmu dwar dawk li huma l-opportunitajiet li hemm fil-qasam tal-assigurazzjoni, kif jista’ jkompli jikber l-operat u x’inhuma l-isfidi li qed jiffaċċja dan is-settur.
Alex Borg qal li aktar taħriġ fil-qasam jiżgura mhux biss li dan is-settur ikollu ħaddiema ppreparati imma jiftaħ il-bibien lil ħafna żgħażagħ għal xogħol ta’ kwalità fejn jistgħu jibqgħu jikbru.
Id-Direttur Maniġerjali Judith Galea qalet li l-qasam tal-assigurazzjoni huwa qasam li għad għandu fejn jimraħ, kif qed tagħmel il-kumpanija National Insurance Brokers Ltd., iżda min imexxih għandu diffikultà jsib ħaddiema mħarrġa sew fil-qasam.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jrid jagħraf ikompli jibni fuq dak li sar fl-imgħoddi u jsaħħaħ dawk in-niċeċ li diġà jeżistu billi jagħti l-opportunitajiet meħtieġa lill-ħaddiema biex ikollhom mhux biss xogħol ta’ kwalità imma wkoll wieħed li jagħtihom sodisfazzjon personali.
Preżenti wkoll għal din iż-żjara fl-uffiċċji tal-kumpanija f’Santa Venera kien hemm ukoll ix-Shadow Ministers Graham Bencini u Beppe Fenech Adami kif ukoll il-kandidat tal-PN għall-elezzjoni ġenerali David Pace Ross.
//= $special ?>

