Il-kumpilazzjoni tal-provi fil-każ kontra r-raġel akkużat li allegatament ipprova joqtol iż-żewġ uliedu mistennija tkompli illum fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Franco Agius.
Fis-seduta tal-lum, il-Prosekuzzjoni mistennija tressaq diversi xhieda importanti biex tkompli ssaħħaħ il-każ tagħha. Fost dawk imsejħa biex jixhdu hemm perit li analizza x-xena, uffiċjali tax-xena tad-delitt li kienu involuti fl-investigazzjoni inizjali, kif ukoll espert tal-Qorti. Barra minn hekk, mistennija wkoll tixhed il-vittma minorenni – it-tifla tal-akkużat.
Il-każ, li ħasad lill-pubbliku minħabba n-natura serja tal-allegazzjonijiet, jinsab fl-istadju tal-kumpilazzjoni tal-provi, fejn il-Qorti qed tiddetermina jekk hemmx biżżejjed evidenza biex il-proċess jgħaddi għal ġuri.
Ir-raġel huwa akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi lil ibnu u lil bintu.
L-akkużat ġie mixli wkoll li arresta, żamm jew sekwestra b’mod illegali liż-żewġt itfal kontra r-rieda tagħhom, mingħajr awtorità legali. Il-prosekuturi allegaw li r-reati kienu aggravati minħabba li l-vittmi kienu mhedda bil-mewt u kienu d-dixxendenti diretti tiegħu.
Ir-raġel, li ma jistax jissemma minħabba ordni tal-qorti, iwieġeb mhux ħati.
Aktar dettalji mistennija joħorġu matul il-ġurnata hekk kif jinstemgħu x-xhieda.
//= $special ?>

