Is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Pete Hegseth wissa lill-Iran biex ‘jagħmel deċiżjoni għaqlija’ qabel jibda tieni rawnd ta’ taħditiet għall-paċi bejn id-delegazzjonijiet tal-Iranjani u r-Rappreżentanti Amerikani…Taħditiet li suppost ikomplu matul il-lejl fil-Pakistan.
Mistenni, intant, li d-delegazzjoni Iranjana se titmexxa mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Abbas Araghchi. Madankollu mhux ċar proprju ma liema delegati Amerikani irid jiltaqa’ magħhom dan il-Ministru.
Hegseth, sadanittant, irrepeta l-kummenti tal-President Amerikan, Donald Trump, li ‘l-Istati Uniti mgħandhiex għaġġla partikulari biex tasal fi ftehim għall-paċi mal-Iran’… Hu kompla li ż-żmien hu favur l-Amerikani u għaldaqstant ma hemm l-ebda ansjetà min-naħa ta’ Washington.
Pete Hegseth qal li l-assedju tal-Amerikani fuq il-portijiet tal-Iran għandu jkompli ‘għaż-żmien kollu li hemm bżonn’ u sakemm l-Istati Uniti, fi kliemu, telimina t-theddida tal-Iran għas-sigurtà tad-dinja.
L-uffiċjali Amerikani qed jgħidu li għexieren ta’ vapuri – inklużi tankers taż-żejt — mhumiex jitħallew jivvjaġġaw lejn u mill-portijiet tal-Iran. Iżda l-Iran qed jinsisti li xorta waħda qed jirnexxilu jittrasport kwantità ta’ żejt li hu sanzjonat mill-Istati Uniti.
Sadanittant, tidher li qed iżżomm il-pawża fil-ġlied bejn Iżrael, l-alleat tal-Istati Uniti, u l-milizji Xiti Lebaniżi tal-Ħeżbollah — bil-Libanu, bħalissa, qed jikkalkula l-impatt tal-gwerra għall-poplu tiegħu.
Il-President Trump, fl-aħħar sigħat, ħabbar li s-ceasefire bejn Iżrael u l-Libanu kien qed ikun estiż bi tlett ġimgħat – bil-militar Iżraeljan u l-Ħeżbollah it-tnejn iwissu dwar abbużi potenzjali għall-ftehim.
Dan meta l-Ħeżbollah iħoll u jorbot għal kwalunkwe ftehim għall-paċi potenzjali bejn Iżrael u l-Libanu; bis-sitwazzjoni f’dik iz-zona tibqa’ waħda fraġli.
//= $special ?>

