Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Audrey Demicoli, ordnat lil Air Malta tħallas €68,000 f’performance bonuses lil eks impjegat tagħha wara li sabet li l-kumpanija naqset milli tonora l-obbligi kuntrattwali tagħha.
Il-każ kien jinvolvi lil John Vella, li kien jokkupa l-kariga ta’ Head of Sales tal-merkanzija, u li fetaħ kawża kontra l-linja nazzjonali tal-ajru biex jitlob ħlas ta’ bonuses li allega li kienu dovuti lilu bejn l-2013 u l-2022. Vella sostna li skont il-kuntratt tiegħu kien eliġibbli għal performance bonus ta’ sa 20% tas-salarju annwali, iżda matul is-snin tħallas biss darbtejn, filwaqt li talbiet oħra tiegħu baqgħu injorati minkejja komunikazzjonijiet formali.
Min-naħa tagħha, Air Malta argumentat li l-bonus ma kienx awtomatiku u kien jiddependi fuq il-prestazzjoni tal-kumpanija skont il-“company policy”, inkluż jekk jintlaħqu ċerti miri operattivi. Il-Qorti madankollu rrilevat li għalkemm tali policy kienet teżisti, din ma ġietx implimentata kif suppost fil-prattika. B’mod partikolari, ma kienx hemm evidenza li ġew stabbiliti jew ikkomunikati ‘Key Performance Indicators’ (KPIs) lill-impjegati, inkluż lir-rikorrent.
Fil-fehma tal-Qorti, dan in-nuqqas effettivament ċaħħad lil Vella mill-possibbiltà li jikkwalifika għall-bonus, u għalhekk il-kumpanija naqset mill-obbligi tagħha. Il-Qorti ċaħdet ukoll eċċezzjoni preliminari ta’ preskrizzjoni mqajma minn Air Malta, billi kkonkludiet li ma sarx il-ġurament meħtieġ skont il-liġi biex din tkun valida.
Filwaqt li nnutat li l-ħlas tal-bonus kien jinkludi element ta’ diskrezzjoni, il-Qorti enfasizzat li din id-diskrezzjoni ma tistax tkun assoluta meta l-ħlas ikun stipulat f’kuntratt. Fl-aħħar nett, wara li kkunsidrat il-provi u l-prestazzjoni tax-xogħol tar-rikorrent, il-Qorti likwidat is-somma dovuta għal €68,000, inqas mill-massimu mitlub, u ordnat li din titħallas flimkien mal-ispejjeż kollha tal-kawża.
//= $special ?>

