L-Alleanza tan-NATO tinsab imħassba dwar rapport li żvela li l-Istati Uniti qed tippjana minn taħt biex tpattiha lil uħud mill-Alleati li rrifjutaw li jidħlu direttament fuq in-naħa tagħha fil-gwerra attwali li l-Amerikani qed jiġġieldu mal-Iran.
Sadanittant, in-NATO qed tinsisti li ma teżisti l-ebda proviżjoni biex pajjiż membru tal-Alleanza jispiċċa sospiż jew imkeċċi mill-Alleanza.
Dan wara l-leak ta’ rapport li l-Istati Uniti kapaċi qed taħseb biex tissospendi lil Spanja min-NATO wara ċ-ċaħda totali tal-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez biex jappoġġja lill-Amerikani fi gwerra… Gwerra li beda l-President Amerikan, Donald Trump, mingħajr ma kkonsulta ma’ ħadd fost l-alleati tal-Istati Uniti.
Numru ta’ aġenziji tal-aħbarijiet ikkwotaw lil uffiċjal Amerikan li baqa’anonimu u li rrefera għal email intern tal-Pentagon li, fost oħrajn, issuġġerixxa l-miżuri biex l-Istati Uniti timponi ‘forma ta’ passi dixxiplinarji’ għall-alleati tan-NATO li ma appoġġjawx il-kampanja militari ta’ Trump.
Fl-istess ħin, qed ikun allegat li l-Istati Uniti kapaċi tirrevedi l-pożizzjoni tagħha dwar id-dritt tas-sovranità tar-Renju Unit fuq il-Gżejjer tal-Falklands li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-Atlantiku u liema sovranità għadha qed tkun ikkuntesta mill-Arġentina.
Dan l-allegat aġir minn Washington qed jidher dovut għall-fatt li l-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, irrifjuta li jibgħat il-militar ta’ pajjiżu biex jiġġieled kontra l-Iran fuq in-naħa tal-Amerikani.
Madankollu, l-Istati Uniti ma għandha l-ebda dritt biex tieħu passi daqstant drastiċi kontra kwalunkwe alleat tan-NATO… Dan meta t-trattat għat-twaqqif tan-NATO ma jipprovdix għal sitwazzjoni fejn xi pajjiż membru jista’ jisfa sospiż u wisq anqas imkeċċi.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Sanchez jidher li qed jinjora r-rapport sensittiv, bil-Pentagon f’Washington u r-Renju Unit ma joħorġu l-ebda kumment uffiċjali.
Min-naħa tiegħu, il-President Trump ma waqafx jikkritika lill-Istati alleati – fosthom ir-Renju Unit, Spanja, il-Kanada, Franza u l-Italja – talli huma żammew lura minn sehem fil-kampanja militari fir-reġjun tal-Golf u f’sitwazzjoni fejn l-Iranjani qed jillimitaw il-moviment tal-bastimenti merkantili mir-Rotta ta’ Hormuz.
Spanja kienet fost l-ewwel pajjiżi li rrifjutaw l-użu tal-bażijiet tal-ajru tagħha għall-Amerikani biex jattakkaw lill-Iran; bil-Prim Ministru Sánchez isostni li pajjiżu ‘jappoġġja l-kooperazzjoni sħiħa mal-alleati dment li dan ma jmurx ‘il hinn mill-kriterji tal-liġi internazzjonali’.
Dan waqt li l-Prim Ministru Britanniku, Starmer, qal li l-involviment dirett fil-gwerra tal-Iran mhux fl-interess tar-Renju Unit – l-istess bħal kwalunkwe intervent militari min-naħa tal-Britanniċi biex jiżblukkaw il-kriżi fl-ibħra ta’ Hormuz… Kriżi li ma eżistietx qabel l-Istati Uniti u Iżrael bdew l-offensiva fuq l-Iran, fl-aħħar ta’ Frar.
Ir-Renju Unit, intant, ippermetta lill-Amerikani biex jużaw il-bażijiet tiegħu biex jattakkaw is-siti minfejn l-Iranjani qegħdin jisparaw il-missili u d-drones lejn il-bastimenti kummerċjali fir-Rotta ta’ Hormuz.
U waqt li r-Renju Unit, Franza u pajjiżi oħrajn tan-NATO qalu li huma lesti biex iżommu r-Rotta ta’ Hormuz miftuħa ladarba tintemm il-gwerra, dan ma jidhirx li hu biżżejjed għal Donald Trump li qed ikompli jikkritika bl-aħrax lill-Alleanza bħala ‘entità li ma tapprezzax il-fatt li l-Istati Uniti qed tipproteġiha’. Dan waqt li Trump ilmenta li l-Istati tan-NATO ‘mhumiex lesti li jirreċiprokaw għal din l-għajnuna’.
Min-naħa tagħha, il-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni, ħeġġet biex l-Alleati tan-NATO juru solidarjetà sħiħa ma’ xulxin fid-dawl tal-kontenut tal-email tal-Pentagon. Fil-preżent, hemm tensjoni kbira bejn Meloni u Donald Trump minħabba l-gwerra tal-Iran, bil-Prim Ministru Taljan, waqt kummenti lill-istampa, tenfasizza li ‘in-NATO, fiha nfisha, hija sors ta’ saħħa u sigurtà għall-pajjiżi alleati kollha.’
Hi kompliet li, għaldaqstant, wieħed irid ikun attent biex ħadd ma jiżra’ d-diżgwid fi ħdan l-Alleanza li kienet twaqqfet ftit snin wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija u li hi l-aħjar garanzija ta’ sigurtà għad-demokrazija fl-Ewropa u lil hinn minnha.
//= $special ?>

