Joe M. Zahra
Ma nafx eżatt kemm hawn familji/persuni f’pajjiżna li għandhom id-dar tagħhom. Naf li dejjem kien jingħad li hawn iktar minn 80% li għandhom dar tagħhom. Skont ċifri li ħarġu dan l-aħħar mill-Eurostat, f’Malta 68.1% għandhom id-dar tagħhom filwaqt li 31.2% jikru.
Dan l-aħħar Robert Abela qal li madwar 90% ta’ dawk taħt il-35 sena għandhom id-dar tagħhom. Ċifra minfuħa għax id-90% tirreferi għal familji fejn il-membri kollha huma taħt il-35 sena u mhux żgħażagħ individwali! Tant iż-żgħażagħ qed isibuha diffiċli biex ikollhom darhom li huma fost l-iktar fl-UE li jibqgħu jgħixu mal-familja.
Studju mill-Foundation for Affordable Housing sab li aktar żgħażagħ qed jibqgħu fid-djar tal-ġenituri għal żmien itwal. 59% ta’ dawk ta’ bejn 18 u 34 sena għadhom jgħixu mal-ġenituri tagħhom. Fil-parti l-kbira tal-każi dan huwa r-riżultat ta’ propjetà ogħla li ż-żgħażagħ ma jaffordjawx li jixtru.
Kemm jiswa appartament illum
Studju ieħor mill-Awtorità tad-Djar sab li appartament għal dawk ‘single’ (jew weħidhom) illum jiswa 11-il darba iktar mid-dħul ta’ sena. L-istudju sab li mhux dejjem kien hekk u li l-aħjar żmien meta x-xiri tad-djar kien affordabbli kien bejn is-sena 2000 u l-2003. Għal min ried jixtri għall-ewwel darba dan seta’ jagħmlu. Iżda mill-2003 ’il quddiem il-bini beda jogħla aktar mid-dħul ta’ min ried jixtri dejjem jekk ma kellux min jagħmillu tajjeb. Illum sar ferm aktar diffiċli li jkollok appartament tiegħek aħseb u ara dar.
Mill-istess ċifri tal-Eurostat jirriżulta li 36.6% biss għandhom dar tagħhom, ċifra fost l-inqas fl-UE. 63.1% għandhom appartament. Il-bqija jgħixu f’postijiet bħal karavans.
Sfida għaż-żgħażagħ
F’Ottubru tas-sena l-oħra, id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo organizza konferenza dwar it-titjib fil-kwalità tal-ħajja. Fost dawk li ħadu sehem tkellem Kurt Xerri li meta indirizza l-isfidi tal-Housing qal li llum il-prezz medju ta’ dar f’pajjiżna huwa madwar 12-il darba iżjed mill-paga medja. 10 snin ilu r-rata kienet disa’ darbiet inqas.
Qal li din hija sfida kbira għal 45,000 żgħażagħ ta’ bejn il-25 u l-35 sena li ma jaffordjawx li jixtru post għalihom infushom u għalhekk jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom.
Dwar il-kera tkellem Matthew Attard, President ta’ Solidarjetà, li enfasizza l-bidla drammatika fis-suq tal-kera fl-aħħar 15-il sena. Il-kera medja fis-sena, 15-il sena ilu, kienet €3,500. Is-sena l-oħra telgħet għal iktar minn €10,000. Hu appella lill-Gvern biex jilgħab parti aktar attiva biex ikollna djar aktar affordabbli u biex jindirizza l-pagi li staġnaw.
Housing affordabbli
Imbagħad f’kitba li kellu fit-Times of Malta tat-12 ta’ Frar ta’ din is-sena Dan Jorgensen, Kummissarju Ewropew għall-Enerġija u Housing, qal li f’Diċembru li għadda ppreżenta l-ewwel Pjan Ewropew għall-Housing Affordabbli li qatt sar.
Qal li naqsu r-regoli tal-għajnuna mill-Istat biex investiment pubbliku f’Housing affordabbli jista’ jiġi issa u mhux snin minn issa. Għal dan il-għan 43 biljun ewro diġà qed ikunu mobilizzati f’livell tal-UE u li se jaslu iktar fondi.
Jorgensen tenna li rridu niġġieldu l-‘homelessness’, nipprijotizzaw l-aċċess għall-Housing għaż-żgħażagħ u studenti, naraw li ma jkunx hemm iktar djar iffullati żżejjed, li d-djar jinżammu sħan fix-xitwa. Irrefera wkoll għall-fatt li 20% tad-djar fl-Ewropa huma vojta, xi ħaġa li fisser bħala inaċċettabbli.
Dan lilna kollu jinteressana għax il-problemi li semma jolqtuna, anki għax il-prezzijiet tal-propjetà u l-kirjiet li nħallsu huma aktar mill-medja tal-UE.
Il-problema tal-Housing affordabbli kompliet tiggrava għaliex fl-aħħar snin is-settur tal-akkomodazzjoni soċjali għadda minn skandli bi blokki ta’ bini li ma tlestewx għax il-kuntratturi ma’ tħallsux. Skandli li wasslu biex il-Ministru Roderick Galdes kellu jirriżenja wara li kien akkużat mill-Eks MEP Marlene Mizzi li kien jindaħal fit-tmexxija ta’ Malita, li kienet ‘chairperson’ tagħha hi u li kien jindiegħes wisq mal-kuntratturi.
Pandora’s Box li meta nfetħet instab li Galdes għandu propjetà f’Malta u Għawdex, fi Sqallija, l-Italja ta’ Fuq u r-Renju Unit. F’Għawdex xtara ‘penthouse’, li tinkludi jaguzzi u garaxx għal €140,000 mingħand kuntrattur li l-Gvern kera mingħandu ’l fuq minn 100 appartament li jħallulu l-miljuni. Sadanittant iż-żgħażagħ mhux talli ma jaffordjawx jixtru l-ewwel propjetà tagħhom iżda lanqas jikru bil-mijiet u l-eluf li qed jintalbu għall-kera kull xahar.
Il-PN mhux biss jemmen li din il-problema ta’ djar affordabbli għandna insolvuha iżda diġà ta diversi soluzzjonijiet ta’ x’għandu jsir. Soluzzjonijiet li mill-Gvern lest jattwahom biex żgur ħadd ma jibqa’ lura.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 24 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

