Sport Waterpolo

Qorti tissospendi regola “home-grown” tal-ASA wara il-każ relatat ma’ Ivan Nagaev

Deċiżjoni tal-Qorti Ċivili ippreseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja wasslet biex tiġi sospiża temporanjament regola ġdida tal-Aquatic Sports Association of Malta dwar “home-grown players”, wara talba mressqa minn Neptunes WPSC f’isem il-plejer Ivan Nagaev.

Il-Qorti sabet li jeżisti każ prima facie u riskju ta’ ħsara irreparabbli, u għalhekk ordnat li r-regola ma tiġix applikata sakemm tinqata’ l-kawża. Ir-regolament kien jillimita lil Nagaev milli jintlagħab bħala plejer Malti, minkejja li kiseb iċ-ċittadinanza Maltija f’Diċembru li għadda, peress li ma jissodisfax il-kriterji ta’ “home-grown”.

Skont l-ASA, “home-grown player” huwa plejer li lagħab għal mill-inqas tliet staġuni fil-livell tal-juniors bejn it-12 u l-20 sena. Minħabba dan, Nagaev kien jitqies bħala barrani — fatt li jillimita n-numru ta’ plejers bħalhu fil-pixxina.

Neptunes argumentaw li r-regola hija diskriminatorja u potenzjalment kontra l-liġi tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li sostnew li l-plejer għandu jiġi trattat bħal kull ċittadin Malti ieħor. Il-Qorti qablet li jista’ jkun hemm ukoll nuqqas ta’ konformità mal-istatut tal-ASA, peress li bidliet bħal dawn kellhom jiġu approvati mill-Assemblea Ġenerali u mhux biss mill-Kunsill.

Filwaqt li ċaħdet l-argument tal-ASA li d-deċiżjoni ma setgħetx tiġi kkontestata, il-Qorti enfasizzat li l-miżura hija meħtieġa biex tiġi evitata ħsara immedjata lill-karriera u r-reputazzjoni tal-plejer.

Għaldaqstant, ir-regola tibqa’ sospiża sakemm tingħata sentenza finali fil-kawża.