Kultura Lokali

Tmut Mary Grech, attriċi, pijuniera tax-xandir u fost l-ewwel uċuħ tat-televiżjoni Maltija

Tħabbret il-mewt ta’ Mary Grech, attriċi, waħda mill-pijunieri tax-xandir f’Malta u fost l-ewwel uċuħ li dehru fuq it-televiżjoni Maltija meta beda x-xandir fl-1962. Hija kellha 88 sena. Imwielda Għawdex fit-2 ta’ Mejju 1937, xebba Vassallo, bdiet il-vjaġġ artistiku tagħha minn età żgħira meta ngħaqdet mal-grupp tat-tfal Liliputtjani. Aktar tard kompliet fil-qasam teatrali fejn iltaqgħet ma’ Victor Grech, li aktar ’il quddiem sar żewġha.

Fil-bidu tas-snin sittin, hija għamlet il-qabża għat-televiżjoni wara li ġiet magħżula minn eluf ta’ applikanti, u saret waħda mill-ewwel announcers fuq Malta Television flimkien ma’ Charles Abela Mizzi. Il-vuċi distintiva u l-preżenza naturali tagħha malajr għamlitha figura familjari fid-djar Maltin.

Tul il-karriera tagħha, Mary Grech ħadmet bħala continuity announcer, qrat l-aħbarijiet u rrappurtat mill-Parlament, filwaqt li kellha wkoll karriera b’saħħitha fir-radju b’radjudrammi ma’ artisti bħal Charles Clews u Victor Galdes. Hija kisbet ukoll esperjenza internazzjonali, fosthom fuq Radio Corriere u f’festival tat-tfal fi Sqallija.

Bħala attriċi, dehret f’produzzjonijiet popolari bħal Ipokriti, fejn interpretat il-karattru ta’ Iva, kif ukoll f’Santa Monika, It’s Morris u One Star Hotel, u kienet apprezzata għall-versatilità tagħha. Fil-ħajja personali tagħha, iżżewġet lil Victor Grech fl-1961 u baqgħu flimkien għal aktar minn sittin sena, sakemm hu miet fl-2024.

Mary Grech bdiet tidher fuq il-palk meta kellha 14-il sena. Kienet għadha tmur l-iskola meta ngħaqdet mal-kumpanija tat-tfal Liliputtjani ta’ Ġużeppina Attard Montalto. Wara Mary daħlet mal-kumpanija ta’ Watty Cachia u l-Maleth, fejn kien hemm ukoll membru Victor Grech.

Meta Mary għalqet it-18-il sena, hija marret il-Kanada fejn kien hemm ħutha. Mary damet madwar sentejn u meta rritornat lura Malta sabet li sħabha kollha kienu żżewġu… minbarra Victor. Huma bdew jiltaqgħu u l-ħbiberija tagħhom kompliet tikber minkejja li Victor kien għaxar snin u nofs ikbar minnha.

Victor u Mary iżżewġu nhar il-31 ta’ Diċembru tal-1961. Huma damu 61 sena miżżewġin. Victor miet fit-18 ta’ Jannar tal-2023 fl-età ta’ 96 sena. Huma ħallew warajhom żewġ ulied u tliet neputijiet. Mary Grech tibqa’ mfakkra bħala figura ewlenija u pijuniera li tat kontribut fundamentali għall-iżvilupp tax-xandir f’Malta – wirt li se jibqa’ jgħix fil-memorja kollettiva tal-poplu Malti.