Sport

Żewġ midalji tal-bronż fix-Shanghai Cup tal-ibburdjar

Katrina Micallef u Tomek Vaccaro tar-Royal Malta Yacht Club Sailing School rebħu żewġ midalji tal-bronż fix-Shanghai Cup 2026 wara li t-tnejn kisbu t-tielet post fil-klassi ILCA 6.

It-tielet edizzjoni ta’ Shanghai Cup kienet avveniment internazzjonali kienet kompetizzjoni ideali li tippromwovi l-ibburdjar u tiġbor flimkien baħħara ewlenin minn kontinenti differenti flimkien ma’ atleti Ċiniżi ta’ livell għoli.

L-istedina tingħata fuq bażi ta’ riżultati internazzjonali bil-lista tal-parteċipanti tal-2026 tinkludi lil Marcin Rudawski tal-Polonja, seba’ darbiet champion tad-dinja tal-ILCA 6, Deizy Nhaquile tal-Możambique, atleta Olimpika għal darbtejn, Jonathan Emmettm tal-Gran Brittanja, attwalment numru wieħed tal-ILCA 6 tal-irġiel u rebbieħ tal-bronż fil-Kampjonat tad-Dinja 2023, kif ukoll Victoria Coady, erba’ darbiet champion nazzjonali tal-Kanada.

Ir-Royal Malta Yacht Club ilu jkun rappreżentat mill-ewwel edizzjoni, b’Lara Merten tattendi fl-2024 u Tomek Vaccaro fl-2025. Din is-sena, Vaccaro kien akkumpanjat minn Katrina Micallef f’kompetizzjoni fil-qalba ta’ Shanghai fuq lag ċirkolari mibni apposta, imdawwar b’binjiet għoljin — li joħloq atmosfera u stil ta’ stadium li rari tidher f’dan l-isport.

Vaccaro beda b’saħħtu u kien fil-quċċata wara t-tieni jum, iżda penalitajiet affettwaw il-pożizzjoni tiegħu, fejn temm, fit-tielet post filwaqt li Micallef kellha bidu aktar diffiċli, fejn ħadmet biex tidħol fost l-aqwa 10. Fl-aħħar fażijiet tar-regatta, telgħet fit-8 post overall u kisbet il-midalja tal-bronż fil-flotta tan-nisa.