Arsenal huma mill-ġdid leaders tal-Premier League fl-Ingilterra, wara li l-bieraħ fl-aħħar logħba tas-Sibt, għelbu lil Newcastle United b’gowl waħdini skorjat wara disa’ minuti logħob minn Eberechi Eze.
Grazzi għal din ir-rebħa, il-gunners telgħu l-ewwel, iżda b’logħba aktar minn Manchester City. Attwalment il-vantaġġ ta’ Arsenal hu ta’ tliet punti fuq l-iskwadra ta’ Pep Guardiola.
Manchester City, matul din it-tmiem il-ġimgħa ma lagħbux fil-Premier League, wara li l-bieraħ kienu fl-azzjoni fit-tieni l-aktar kompetizzjoni prestiġjuża fl-Ingilterra, fl-FA Cup, meta fis-semi-finali huma għelbu lil Southampton 2-1 u b’hekk avvanzaw għall-finali.
The Citizens dawru telfa f’rebħa meta 11-il minuta mit-tmiem tal-logħba, Finn Azaz poġġa lil Southampton minn fuq.
Iżda kien f’dan il-mument diffiċli li ħarġet il-personalità b’saħħitha ta’ Manchester City meta skorjaw darbtejn f’temp ta’ ħames minuti. Jeremy Doku skorja l-gowl tad-draw fit-82 minuta u fis-87 minuta kien iż-żgħażugħ Spanjol Nico li skorja l-gowl tar-rebħa u li poġġa lit-tim tiegħu fil-finali tal-FA Cup.
Intant f’aktar logħob mill-Premier League Ingliz, il-bieraħ iċ-champions Liverpool approfittaw miż-żelqa ta’ Aston Villa biex ġew b’punti daqshom fil-klassifika, b’rebħa ta’ 3-1 kontra Crystal Palace.
Alexkander Isak u Andrew Robertson taw vantaġġ doppju lil Liverpool sat-tmiem tal-ewwel 45 minuta.
Fil-71 minuta, Crystal Palace daħlu fil-partita b’gowl tal-Kolombjan, Daniel Munoz iżda sitt minuti fuq id-90 minuta, Florian Wirtz skorja l-gowl li aċċerta r-rebħa għal Liverpool għal skor finali ta’ 3-1.
Aston Villa kellhom ġurnata diżappuntanti meta waqqgħu tliet punti, f’telfa ta’ 1-0 kontra Fulham. Kien gowl tal-plejer ta’ nofs il-grawnd, Ryan Sessegnon, żewġ minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima li ddeċieda kollox f’dan il-konfront.
Lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika, Tottenham Hotspur kisbu rebħa li tiswa’ bil-wisq aktar minn sempliċiment tliet punti, meta għelbu lit-tim li hu diġa’ relegat għal The Championshiop, Wolverhampton Wanderers, b’gowl uniku skorjat mill-Portugiz, Joao Palhinha fit-82 minuta.
Madankollu, din ir-rebħa ma għenitx biex l-Ispurs joħorġu miż-żona l-ħamra għaliex West Ham United rebħu l-konfront tagħhom, 2-1 kontra Everton.
Bil-gowls kollha f’din il-partita jkunu skorjati fit-tieni taqsima, fil-51 minuta l-Hammers marru minn fuq b’gowl ta’ Tomas Soucek.
Żewġ minuti ‘l boigħod mid-90 minuta, Kiernan Dewsbury-Hall ġab id-draw għal The Tofees iżda West Ham United baqgħu jemmnu fir-rebħa, u fit-92 minuta kien Callum Wilson li skorja l-gowl li ta rebħa drammatika lit-tim li qed jissielet kontra r-relegazzjoni.
//= $special ?>

