Internazzjonali

Epstein kien jakkomoda vittmi ta’ abbuż f’appartamenti f’Londra

Sitt nisa allegaw li Jeffrey Epstein abbużahom sesswalment waqt li kienu qed jgħixu f’diversi appartamenti f’Londra li allegatament kien jikri hu stess.

Skont rapport tal-BBC, dawn l-allegati każijiet seħħew wara li l-pulizija fir-Renju Unit iddeċidiet li ma tiftaħx investigazzjoni dwaru. L-istess rapport jindika li nstabet evidenza marbuta ma’ erba’ appartamenti fiż-żona ta’ Kensington u Chelsea, inklużi rċevuti, emails u rekords bankarji li allegatament jorbtu lil Epstein ma’ dawn il-proprjetajiet.

Uħud min-nisa, li kienu ġejjin mir-Russja u minn pajjiżi oħra tal-Ewropa tal-Lvant, allegatament marru r-Renju Unit wara li fl-2015 il-pulizija ma fetħitx investigazzjoni dwar akkuża magħmula minn Virginia Giuffre. Hija kienet sostniet li kienet ġiet traffikata lejn Londra.

Il-pulizija Ingliża qalet li segwiet il-proċeduri kollha u li tkellmet ma’ Giuffre f’diversi okkażjonijiet, filwaqt li kkooperat mal-awtoritajiet Amerikani fl-investigazzjonijiet relatati.

Giuffre kienet waħda mill-aktar vuċijiet prominenti fost il-vittmi li talbu ġustizzja kontra Epstein, u sostniet li kienet vittma ta’ traffikar u abbuż sesswali minnu.