Lokali

Erbgħa Maltin arrestati b’rabta ma’ rejd għad-droga fil-Marsa

Matul il-ġurnata tal-Ġimgħa, il-Pulizija wettqet rejd fl-Marsa b’rabta ma’ traffikar u pussess ta’ droga. Waqt li ġew arrestati erba’ Maltin, instabet ukoll kwantità ta’ droga, li allegatament kienet lesta biex tkun ittraffikata.

Dan riżultat ta’ operazzjoni konġunta bejn diversi sezzjonijiet tal-Pulizija li bdiet ftit wara l-ħdax ta’ filgħodu, wara diversi jiem ta’ investigazzjonijiet u osservazzjonijiet fl-akwati ta’ fejn hemm ir-remissi, b’mod partikolari fi Triq il-Ġerrejja u Triq is-Serkin.

F’din l-operazzjoni ġie arrestat raġel ta’ 44 sena. Huwa nstab fil-pussess ta’ madwar 50 qartas b’sustanza suspettata kokaina u eroina. Tfittxija li saret fil-viċinanzi ta’ fejn ġie arrestat, il-Pulizija sabu 50 qartas ieħor. Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem illi ġejjin u jkun akkużat bi traffikar tad-droga.

Mill-istess akwati ġew arrestati żewġt irġiel oħra ta’ 23 sena u 42 sena u tfajla ta’ 24 sena.

Huma nstabu fil-pussess ta’ droga suspettata kannabis, kokaina u droga sintetika u mistennija
jiġu akkużati bil-pussess tad-droga.

L-operazzjoni ssoktat f’remissa partikolari fejn malli l-Pulizija daħlu ġewwa, instabu 278 qartas kannabis, 126 qartas eroina u 9 qratas oħra kokaina, kollha lesti f’boroż żgħar biex jinbiegħu, flimkien ma’ madwar €1,400 fi flus kontanti. Ġie elevat ukoll apparat tas-CCTV li kien installat madwar l-istess remissa.

B’din is-sejba ġiet infurmata l-Maġistrat Monica Borg Galea li qed tmexxi inkjesta.