Floriana……………….1
Ħamrun Spartans…4
Wara 15-il partita konsekuttiva mingħajr ma jitilfu logħba waħda fil-Malta Premier, ir-rebbieħa tal-Closing Round, Floriana l-bieraħ ġarbu telfa ta’ 4-1 kontra ċ-champions tal-Kampjonat, Ħamrun Spartans. Din kienet rebħa importanti, li titfa’ aktar pressjoni fuq Marsaxlokk, qabel il-partita li jmisshom jilgħabu llum kontra Valletta. Wara r-rebħa tal-Ħamruniżi, Marsaxlokk jeħtieġu jżommu l-pass mal-iskwadra taħt it-tmexxija ta’ Giacomo Modica, biex jibqgħu biċ-ċans li għad jistgħu jispiċċaw fit-tieni post tal-klassifika finali tal-Closing Round.
Ċirkostanzi preżenti li juru kemm dan hu Kampjonat farsa sforz format redikolu
It-tieni post minn Marsaxlokk ikun ifisser li r-rebħ tal-Malta Premier ikun irid jiġi deċiż għat-tieni sena konsekuttiva permezz ta’ Final Four, iżda mhux biss. Ix-Xlukkajri jilgħabu llum kontra Valletta, u b’format redikolu fejn meta jkun qed joqrob lejn it-tmiem tiegħu, ċertu ċirkostanzi jafu jkunu surreali sal-punt li tim jaqbillu jitlef logħba biex jilħaq l-objettivi tiegħu. Realistikament, kwalunkwè riżultat miksub minn Valletta jista’ jwassalhom f’toroq differenti, imma li jistgħu jkunun riskjużi. Sal-lum, Valletta għadhom biċ-ċans li għad jistgħu jirbħu d-double, iġifieri kemm il-Malta Premier kif ukoll l-FA Trophy, iżda daqstant ieħor jistgħu jitilfu kollox, sal-punt li lanqas jiksbu post fl-Ewropa.
Kumplikazzjoni sħiħa sforz format ta’ Kampjonat, li llum aktar minn qatt qabel, kulħadd qed jifhem kemm hu tad-daħq u bla tlaqliq ta’ xejn faċilment jista’ jwassal għal riżultati anti-sportivi, li jmorru kontra kwalunkwè valuri li suppost għandu jħaddan kull sport. Bir-rebħa ta’ Ħamrun Spartans kontra Floriana, kibret il-possibiltà li jista’ jkolna tmiem fejn il-Kampjonat ikun deċiz fuq logħba waħda, ċioè decider li tkun bejn Ħamrun Spartans (bħala rebbieħa tal-Opening Round) u Floriana (rebbieħa tal-Closing Round). F’dak il-każ, tintemm kull tama ta’ Valletta li jistgħu jirbħu l-Kampjonat, iżda jiġri x’jiġri fil-finali tal-FA Trophy kontra Gżira United, Valletta jkollhom post ċert fil-UEFA Conference League tal-istaġun li ġej.
Pero l-ironija ta’ dan kollu hu hawn. Jekk Marsaxlokk jispiċċaw it-tieni fil-klassifika, u allura ibda biex iridu l-ewwel jirbħu llum kontra Valletta, allura tikber il-possibiltà li jkolna tmiem aktar eċitanti (iżda assolutament anti-sportiv) li l-Malta Premier jintrebaħ permezz ta’ Final Four, li apparti Ħamrun Spartans u Floriana, ikun jinkludi lil Valletta u Marsaxlokk. Pero kemm il-darba mmorru għall-Final Four, Valletta ikunu qed jirriskjaw li jitilfu post fl-Ewropa jekk l-affarijiet imorru ħażin għalihom, kemm fil-Final Four u sussegwentament kemm il-darba jitilfu l-finali tal-FA Trophy għaliex f’dak il-każ minn tim li kien viċin li jirbaħ id-double, jaf jispiċċa tim li lanqas jikkwalifika għall-Ewropa.
Nistħajjel tistaqsuni, imma dak hu l-futbol? Le assolutament mhux il-każ. Il-futbol milgħub fuq il-fair play, u b’korettezza fejn tim irid jirbaħ dejjem, m’għandu aktar ikun f’sitwazzjoni bħal din sforz il-farsa tal-format li beda’ jkolna minn staġun ilu ‘l hawn.
Agħar minn hekk, staqsu lilkhom infuskhom, jekk din l-ispjegazzjoni smajtuwix fuq xi wieħed mir-reels li qed jipproduċu l-Malta Premier, fuq il-midja soċjali tagħhom. L-istess reels li min għandu sens f’moħħu, huma maħduma b’mod li jiżvijaw l-attenzjoni u jgħidulek kollox għajr dak li jħammar wiċċ l-organizzaturi. Daqstant ieħor minthomx se tisimgħu din l-ispjegazzjoni fuq l-istazzjon nazzjonali jew minn dawk il-ġurnalisti li publikament jew bil-moħbi qed jilbsu minn tnejn sa tlieta jekk mhux erba’ kpipel.
Qed nesaġera? Jew qed niġdeb?
Nisfida lil min irid jgħidli fejn u noħroġ kollox fil-beraħ. Wasal il-mument li npoġġu kollox fuq il-mejda, biex min hu komdu, minn nies tal-media, li jkolna format bħal dan, il-pubbliku sportiv ikun jaf għalfejn. Ma nixitqix nasal s’hawn għax jien dejjem emmint li l-logħba tal-futbol għandha tibqa’ sportiva u milgħuba fuq il-valuri t-tajba li ssawru l-isport, imma mhux meta qed nidħqu bl-udjenza li ssegwi l-logħba li tant inħobbu.
Nagħmilha ċara daqst il-kristall. M’jien f’ebda mument nallega, jew nagħti x’nifhem li dawn ir-riżultati, speċjalemnt ta’ tmiem il-ġimgħa, għandhom dell ta’ korruzzjoni.
Assolutament li le. Sempliċiment qed ngħid dak li ħadieħor ma jridekx tkun taf.
Ħamrun Spartans jiddeċidu kollox fl-aħħar kwarta tal-partita
Ħamrun Spartans qamu għall-okkazzjoni u kien jimmerithom jirbħu u hekk għamlu. Wara seba’ minuti logħob huma fetħu l-iskor. Azzjoni li bdiet minn fuq il-lemin permezz tal-eks plejer tal-greens, Matias Garcia, id-difensur ta’ Floriana, Alan Kurtalic f’tentattiv li jagħlaq l-ispazju tal-avversarju, deher jiżloq, bl-attakkant ta’ Ħamrun Spartans, Blessing Eleke japprofitta minn din iċ-ċirkostanza u xeħet il-ballun fix-xibka, wara l-goalkeeper numru tnejn ta’ Floriana, Pablo Picon, li fil-ġurnata kien qed jieħu post il-goalkeeper regolari ta’ Floriana, Guilherme Cioletti li kien sospiż.
Floriana ma damux ma wieġbu u skorjaw il-gowl tad-draw. Ftit wara li qbiżna l-20 minuta logħob fl-ewwel taqsima, Ryan Camenzuli ta’ Ħamrun Spartans deher iwettaq foul fuq l-avversarju Paul Mbong fil-kaxxa, u r-referee tal-logħba kien pront isaffar penalty.
Mill-ħdax-il metru mar sabiex jinkariga ruħu, Zachary Scerri li xeħet il-ballun fix-xibka għal dak li kien l-ewwel gowl tiegħu minn kemm ilu li sar plejer ta’ Floriana, f’Jannar tas-sena l-oħra.
L-ewwel taqsima ntemmet f’draw ta’ 1-1 u sa kwarta mit-tmiem tad-90 minuta l-iskor kien għadu l-istess iżda l-aqwa ta’ Ħamrun Spartans kien għadu ġej. Bil-plejes ta’ Modica kontinwament dehru jagħfsu u jippersistu biex jerġgħu jmorru minn fuq fil-partita, Ħamrun Spartans kienu ppremjati għall-isforzi tagħhom 12-il minuta mit-tmiem tad-90 minuta.
Kienet azzjoni fejn Kirk Serber ta passaġġ tajjeb lejn Joseph Mbong, li ġab lill-internazzjonali Malti f’posizzjoni tajba, dan issupera lill-goalkeeper Spanjol ta’ 26 sena, u xeħet fix-xibka għal dakl li kien il-gowl li mill-ġdid reġa’ ta vantaġġ ta’ gowl waħdini lill-Ħamruniżi.
Dan il-gowl għolla l-moral ta’ Ħamrun Spartans, b’Floriana dehru jinfixlu aktar, sal-punt li kkonċedew żewġ gowls oħra qabel tmiem il-logħba.
Fis-86 minuta, Ħamrun Spartans jerġgħu jiskorjaw u l-iskorer reġa’ kien Mbong.
Il-winger offensiv Malti approfitta minn inċertezza fid-difiża ta’ Floriana, fejn kien hemm pass ħażin mill-avversarji, u l-plejer ta’ 28 sena, skorja t-tieni wieħed tal-partita għal skor parzjali ta’ 3-1.
B’dan il-gowl, Mbong kompla jikkonferma kemm dan qed ikun staġun pożittiv għaliħ, hekk kif dan l-istaġun fil-Malta Premier diġa’ skorja total ta’ 13-il gowl.
Iżda dan ma kienx il-gowl li temm il-partita għaliex Ħamrun Spartans kien għad fadalhom gowl ieħor x’jiskorjaw qabel is-suffara finali tar-referee Ishmael Barbara.
Minuta fuq il-ħin mogħti żejjed mir-referee, kien imiss lil Michele Carbioni li jniżżel ismu fost l-iskorers tal-partita, meta rċieva mingħand Jonny, u b’xutt fil-baxx minn barra ‘l kaxxa, it-Taljan ta’ 21 sena, li jinsab misluf lil Ħamrun Spartans mingħand il-klabb tal-Lega Pro Taljana, Torres għamilhom 4-1.
Dan kien il-gowl li kompla jikumplimenta ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ħamruniżi fil-ġurnata u li waqqaf il-mixja pożittiva ta’ Floriana, li għal 15-il logħba konsekuttiva fil-Kampjonat, huma baqgħu qatt ma tilfu, sakemm reġgħu kienu Ħamrun Spartans li waqfuhom b’telfa ta’ 4-1.
//= $special ?>

