Lokali

“Irridu niżguraw li kulħadd ikollu mhux biss paga imma xogħol ta’ sodisfazzjon, li jagħtih ċans jgħix” – Alex Borg

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem għall-ħaddiem għaliex irridu niżguraw li kulħadd ikollu mhux biss paga imma xogħol ta’ sodisfazzjon, li jagħtih ċans jgħix.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’diskors li wassal is-Sibt filgħodu waqt konferenza li kienet organizzata minn Solidarjeta Ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista dan hekk kif ftit tal-jiem oħra pajjiżna se jiċċelebra Jum il-Ħaddiem.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li waħda mill-akbar sfidi li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema Maltin u Għawdxin illum hija l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fejn il-ħinijiet twal tax-xogħol, it-traffiku u l-ispejjeż tal-ħajja qed iħallu impatt dirett fuq il-kwalita tal-ħajja tal-individwi u tal-familji tagħhom.

Apparti minn hekk, Alex Borg sostna li t-teknoloġija qed tbiddel ix-xogħol kif nafuh, u hemm impjiegi li qed jinbidlu jew saħansitra jisparixxu iżda huwa qal ukoll li qed jinħolqu opportunitajiet ġodda li jeħtieġu ħiliet differenti. Hawnhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-istituzzjonijiet edukattivi iridu jkunu dejjem fuq quddiem fit-taħriġ tal-Intelliġenza Artifiċċjali, il-coding, cyber security, data analysis u ħiliet diġitali b’mod ġenerali.

Għaldaqstant, matul id-diskors tiegħu Alex Borg fakkar fin-numru ta’ proposti li l-Partit Nazzjonalista ressaq xhur ilu b’rabta mal-work-life balance fosthom:

  • li jsir studju serju dwar il-four-day work week u dwar kif u fejn din tista’ titħaddem
  • li infittxu modi biex inżidu r-Remote Working fejn possibbli
  • iċ-Child Trust Fund li huwa fond li permezz tiegħu kull wild se jkollu pedament fuq xiex jibda jibni l-ħajja tiegħu ta’ adult
  • li titneħħa t-taxxa minn fuq l-ewwel €10,000 mill-part-time u l-overtime dan sabiex il-ħin li l-familji jissagrifikaw ikunu mħallsin għalih b’mod sħiħ
  • titneħħa it-taxxa fuq id-dħul kollu tal-pensjonanti, ikun ġej minn fejn ġej.

F’diskors li wasslet il-President ta’ SĦPN u kandidata għall-elezzjoni ġenerali li jmiss Annabelle Cilia qalet li ħareġ biċ-ċar fuq l-importanza li din id-diskussjoni tkompli kif ukoll li l-ebda ħaddiem ma jitħalla lura. Dan filwaqt li aċċennat fuq l-importanza li l-għarfien b’rabta mal-AI jibda minn ta’ eta żgħira.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Intant, matul din il-konferenza kien hemm numru ta’ diskussjonijiet li trattaw suġġetti varji fosthom il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol u l-Intelliġenza Artifiċċjali fil-post tax-xogħol. Dan apparti li l-konferenza kienet tinkludi wkoll numru ta’ interventi mill-udjenza preżenti inkluż minn persuni li qed jirrappreżentaw għaqdiet varji fejn fost l-oħrajn issemmew l-importanza ta’ life-long learning, ir-re-skilling u l-importanza ta’ komunikazzjoni effettiva.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo