Lokali

“Kommunikazzjoni mhux imposizzjoni” – Ir-residenti tas-Swieqi jappellaw għall-alternattivi aktar sostenibbli 

“Kommunikazzjoni mhux imposizzjoni.”

Soluzzjoni mhux distruzzjoni.

“Tkissrux Wirt Uliedna.”

Għadd ta’ residenti nġabru fis-Swieqi biex jipprotestaw kontra l-proġett imbuttat mill-Gvern għal pont pedonali li jgħaqqad żewġ lokalitajiet; Pembroke u Swieqi, proġett li fl-aħħar ġimgħat qajjem kontroversja sħiħa bejn iż-żewġ lokalitajiet, għaliex filwaqt li l-Kunsill Lokali flimkien mar-residenti ta’ Pembroke ġew ikkonsultati dwar dan il-proġett u kienu ilhom xhur sħiħ jiddiskutu u jikkonsultaw mal-Gvern, il-Kunsill Lokali u r-residenti tas-Swieqi intesew.

Il-protesta, organizzata b’appoġġ mill-kunsill lokali tas-Swieqi, rat numru ta’ residenti u attivisti jesprimu t-tħassib tagħhom dwar dak li sejħu nuqqas serju ta’ konsultazzjoni u impatt potenzjali fuq l-ambjent.

Uħud wissew li l-proġett jista’ jwassal għal aktar traffiku u anke “tlielaq tal-karozzi,” li skonthom se jnaqqsu s-sigurtà u l-kwalità tal-ħajja fiż-żona.

Dan filwaqt li oħrajn tennew li “mhemm l-ebda ġustifikazzjoni għal dan il-proġett,” iżda jeżistu alternattivi aħjar, inkluż underpass taħt l-art …. f’post aktar ċentrali li jgħaqqad il-qalba taż-żewġ lokalitajiet.

Mil-prostesta ħareġ il-fatt ukoll li biex jitwettaq il-proġett propost, ser ikun hemm bżonn li jitqaċċtu numru ta’ siġar li dawn jgħinu biex jitnaqqas it-trab fl-arja u jipproteġu s-saħħa tat-tfal.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat  ikkritika l-attitudni tal-Gvern, u sostna li n-nuqqas ta’ konsultazzjoni mar-residenti u mal-Kunsill Lokali tas-Swieqi huwa inaċċettabbli. Huwa appella għal trasparenza, djalogu miftuħ u soluzzjoni li tkun fl-interess komuni.

Muscat żied li Pembroke jattira ammont kbir ta’ nies minħabba skejjel u klabbs sportivi, u għalhekk hemm bżonn soluzzjoni li tkun sigura u sostenibbli għal kulħadd.

Ir-residenti esprimew rabja kbira għall-politika li qed iħaddem dan il-Gvern fejn ittieħdu deċizzjonijiwt bla pjan serju u adegwat għal benesseri tar-residenti … u  komplew iwissu lill-awtoritajiet biex jieqfu b’dak li sejħu deċiżjonijiet arroganti u jibdew proċess ta’ konsultazzjoni serja.