Lokali Qorti

L-ISKANDLU 17 BLACK: Eks Supretendent akkużat li żvela informazzjoni sigrieta

Il-Pulizija kellhom intelligence bikrija fl-2018 li rabtet lil Yorgen Fenech mal-kumpanija sigrieta 17 Black. Din l-informazzjoni kellha rwol kruċjali fit-tnedija tal-investigazzjoni.


Dan ħareġ waqt ix-xhieda tal-eks Assistent Kummissarju Ian Abdilla hekk kif komplew il-proċeduri fil-Qorti kontra l-eks supretendent Ray Aquilina u n-negozjant Yorgen Fenech. Iż-żewġt irġiel jinsabu mixlija b’ħasil tal-flus u korruzzjoni.

Aquilina qed jiffaċċja wkoll akkużi ta’ korruzzjoni, żvelar ta’ informazzjoni uffiċjali, ħasil tal-flus u xhieda falza. Huma qed iwieġbu mhux ħatja.

In-nutar Mario Bugeja qed jigi mixli wkoll b’ħasil tal-flus.

Ray Aquilina kien ġie arrestat għall-ewwel darba f’April tal-2021 bħala parti minn investigazzjoni dwar uffiċjali tal-pulizija u tal-gvern li allegatament żvelaw informazzjoni sensittiva lil persuni suspettati fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dan seħħ fi żmien meta Aquilina kien qed jinvestiga lil Fenech fir-rigward tal-kumpanija 17 Black.

Bħala parti minn din l-investigazzjoni, l-awtoritajiet eżaminaw ftehim ippjanat ta’ proprjetà f’Birżebbuġa li kien jinvolvi lil Aquilina, li Fenech kien suspettat li mexxieh. L-eks Supretendent kien suppost qed jinvestiga lil Fenech dwar 17 Black; kumpanija suspettata li ntużat biex jitwasslu pagamenti lil eks uffiċjali Konrad Mizzi u Keith Schembri.


Minflok ma xtara l-proprjetà hu stess, allegatament Aquilina irranġa biex il-ġenituri tiegħu jixtruha … imbagħad jittrasferuha lilu. Hu sostna li dan sar għal raġunijiet personali, inklużi proċeduri ta’ separazzjoni.


Madankollu, l-investigaturi ssuspettaw li dan il-ftehim kien irregolari, peress li l-appartament kien qed jinbiegħ għal madwar terz tal-valur tas-suq tiegħu.