Lokali

Open Day fiċ-Ċentru tat-Tagħlim Tul il-Ħajja fl-Imsida llum

Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u l-Impjegabilità (DLE) illum qed jilqa’ lill-pubbliku għal Open day ġewwa ċ-Ċentru tat-Tagħlim Tul il-Ħajja, Triq Qrejten, l-Imsida. Din l-attivita’ annuali qed isir is-Sibt 25 ta’ April 2026, bejn l-10.00am u l-4.00pm.

Din l-Open Day tagħmel parti mill-inizjattiva annwali tad-DLE li għandha l-għan li tippromwovi l-edukazzjoni għall-adulti, l-iżvilupp personali u l-impjegabilità, filwaqt li toffri lill-pubbliku opportunità biex jesplora l-firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim għall-adulti, ta’ 15-il sena ’l fuq, offruti madwar Malta u Għawdex.

Open day bħal din għada kif saret f’Għawdex propju is-sibt li għadda fejn fiha inġabru flimkien edukaturi, studenti u parteċipanti potenzjali f’ambjent akkoljenti u mimli kreattivita.

Kullmin jżur l-Open Day fl-Imsida jkun jista’ jara wirja estensiva ta’ xogħol kreattiv u prattiku prodott ta’ studenti u edukaturi. B’dan il-mod, viżitaturi jkollhom idea ta’ x’joffru l-korsijiet. Din il-wirja turi l-kreattività, id-dedikazzjoni u l-progress tal-istudenti adulti fi ħdan il-komunità tat-Tagħlim Tul il-Ħajja.

Matul il-ġurnata, edukaturi, studenti li bħalissa qed jattendu l-korsijiet, kif ukoll membri tas-Servizz ta’ Gwida u Appoġġ se jkunu fuq il-post biex iwieġbu l-mistoqsijiet, jipprovdu informazzjoni dwar il-korsijiet u joffru gwida personalizzata lil kull min qed jikkunsidra li jibda jew ikompli triqtu fit-tagħlim. Il-Korsijiet jkopru firxa ta li kateogriji: fl-arti, snajja’, lingwi, żvilupp personali u ħiliet prattiċi. L-Open Day għandha l-għan li tindirizza mistoqsijiet kemm ta’ dawk li qed jitgħallmu għall-ewwel darba kif ukoll lil dawk li qed jerġgħu lura għall-edukazzjoni, kemm għall-iżvilupp professjonali, għat-taħriġ mill-ġdid (reskilling), kif ukoll għall-iżvilupp personali.

L-Open Day tinkludi wkoll sessjonijiet interattivi ta’ introduzzjoni għal diversi korsijiet bil-għan li viżitaturi jkollhom esperjenza prattika ta’ xi wħud mill-offerti edukattivi disponibbli. Dawn is-sessjonijiet jgħinu lill-parteċipanti jiskopru interessi ġodda, jibnu l-kunfidenza u jifhmu aħjar l-ambjent ta’ tagħlim ipprovdut mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u l-Impjegabilità.

F’din l-inizjattiva, id-Direttur għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u l-Impjegabilità, Grazio Grixti, stqarr li “l-Opean Day hija ċelebrazzjoni tal-għarfien u l-ħiliet kollha miksuba matul is-sena mill-istudenti, u nittamaw li nħeġġu studenti ġodda biex jibdew vjaġġ ġdid ta’ tagħlim magħna.” Huwa kompla jgħid li d-“Direttorat ikompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu biex it-tagħlim ikun vjaġġ tul il-ħajja għal kulħadd, billi jipprovdi opportunitajiet edukattivi aċċessibbli, inklussivi u ta’ sostenn għall-adulti madwar Malta u Għawdex.”

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jattendi u jieħu vantaġġ minn din l-opportunità unika biex jiltaqa’ ma’ edukaturi, jesplora korsijiet, jara x-xogħol tal-istudenti u jiskopri x’jispirahom.

Għal aktar informazzjoni dwar il-korsijiet u s-servizzi tat-Tagħlim Tul il-Ħajja, wieħed jista’ jżur is-sit www.lifelonglearning.gov.mt jew isegwi l-media soċjali uffiċjali tad-Direttorat.