Lokali

Se jibda x-xogħol ta’ restawr fuq il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Safi

Se jkun qed jibda xogħol ta’ restawr fil-ġimgħat li ġejjin fuq il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Safi li hija ddedikata għall-Konverżjoni ta’ San Pawl hekk kif se tibbenefika minn finanzjament għar-restawr. Din il-knisja ġiet ikkonsagrata uffiċjalment fl-1784.

Dan il-proġett huwa pass importanti fil-konservazzjoni tal-wirt arkitettoniku tal-knisja, b’enfasi fuq interventi sensittivi li jirrispettaw il-karattru oriġinali tal-binja.

L-Arċipriet tal-Parroċċa Fr Ivan Scicluna laqa’ b’sodisfazzjon dan l-investiment u rringrazzja lill-awtoritajiet għall-appoġġ kontinwu lejn il-ħarsien u t-tisħiħ ta’ dan il-wirt importanti.

Dan l-intervent qed jagħti importanza partikolari lill-koppla u lit-tanbur tagħha, li huma elementi arkitettoniċi prominenti u esposti ħafna għall-elementi naturali. Għalkemm dawn iż-żoni jinsabu ġeneralment f’kundizzjoni tajba, juru sinjali ta’ deterjorament minħabba ż-żmien u l-espożizzjoni kontinwa. Mill-istudji li saru, ġie osservat li hemm numru ta’ ġonot tal-ġebel miftuħa, partikolarment fil-livelli ta’ fuq tal-faċċata u l-kampnar, li qed jippermettu d-dħul tal-ilma u l-umdità fil-fabbrika tal-bini. Barra minn hekk, instabu depożiti bijoloġiċi bħal alghae u l-lichens, kif ukoll xi formazzjonijiet ta’ “black crusts” f’żoni protetti bħal taħt il-kroniċi u fil-kampnar.

Ix-xogħlijiet ta’ restawr se jinkludu t-tneħħija ta’ elementi tal-metall mhux mixtieqa, tindif lokali fejn meħtieġ, u trattamenti speċjalizzati biex jitneħħew il-“black crusts”. Fejn hemm ħsara fil-ġebel, se jsiru tiswijiet permezz ta’ tekniki ta’ “plastic repair” jew sostituzzjoni ta’ knaten fejn meħtieġ, bl-użu ta’ materjali kompatibbli u ta’ kwalità għolja. Parti essenzjali mill-intervent se tkun ir-repointing tal-ġonot biex jerġgħu jingħalqu b’mod adegwat u jitnaqqas ir-riskju ta’ infiltrazzjoni tal-ilma.