Lokali

Abela f’nofs diżgwit intern dwar ir-ritorn ta’ Clayton Bartolo

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ma jridx lil Clayton Barolo bħala kandidat fuq il-lista tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali li ġejja.

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta ‘il-mument’ spjegaw li Abela ħa din id-deċiżjoni fl-aħħar jiem meta fil-Partit Laburista hemm kurrenti u konfrontazzjoni kbira għaddejja sabiex ikunu approvati l-kandidati għall-elezzjoni ġenerali.

Sorsi oħrajn li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet sostnew li d-Deputat Prim Ministru Ian Borg u n-nies tiegħu qed jagħmlu pressjoni qawwija fuq Robert Abela sabiex iħalli lil Clayton Bartolo joħroġ mal-Labour sabiex ma jitilfu ebda vot, partikolarment mil-lokalità tal-Mellieħa.

Minkejja li Bartolo rriżenja minn Ministru u anke ma baqax parti mill-Grupp Parlamentari Laburista, huwa xorta waħda baqa’ jikkampanja u jorganizza l-attivitajiet daqs li kieku xejn m’hu xejn. Dan kien wassal għal kritika interna fil-Labour għax il-kandidati u d-deputati tad-distrett ipprotestaw mal-amministrazzjoni u saħqu li Bartolo kellu jinqata’ totalment…għaliex kien qed jagħmel ħsara kbira lill-Partit Laburista.

Ftit ilu Clayton Bartolo kien għamel tentattiv biex jitħalla lura fil-Grupp Parlamentari madanakollu jidher li s’issa sab il-bieb magħluq.

Il-każ ta’ Bartolo hu marbut ma’ konsulenza fantażma li l-mara tiegħu ngħatat mal-Ministeru għal Għawdex immexxi minn sieħeb Clayton Bartolo, il-Ministru Clint Camilleri – liema konsulenza kienet kritikata bl-aħrax mill-Kummissarju għall-Istandards. Dan għaliex meta suppost kienet qed taħdem Għawdex, mart Bartolo kienet għadha qed tagħmilha ta’ segretarja fl-uffiċċju tar-raġel tagħha fil-Ministeru l-Belt.

Il-Ministru Clint Camilleri qatt ma’ wieġeb x’tip ta’ konsulenza kienet tagħti l-mara ta’ Bartolo fil-Ministeru għal Għawdex, filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela kien qal li kienet irrifondat dak li ħasset li kellha tirritorna bħala ħlasijiet.

Dan kollu s’intendi wara li nqabdu b’li kienu qed jagħmlu.

Quddiem Robert Abela hemm għażla ċara jew ikompli jdgħajjef il-pożizzjoni tiegħu bħala Mexxej Laburista, jew ikompli jitlef il-voti u joħloq kunflitti interni ġodda fid-distretti.