Internazzjonali

Is-sitwazzjoni tal-Istati Uniti mal-Iran għadha staġnata, bi ftit prospetti għad-djalogu

Il-prospetti għall-paċi formali bejn l-Istati Uniti u l-Iran ħadu daqqa oħra, fost l-intoppi ġodda għall-proċess diplomatiku fi żmien meta l-konflitt militari fir-reġjun tal-Golf se jagħlaq xahrejn din il-ġimgħa.

Fil-fatt, il-President Amerikan Donald Trump anki rrefera għall-aħħar tentattivi bħala ‘ħela ta’ żmien’ fost l-akkużi li l-Iran mhux jieħu l-proċess diplomatiku bis-serjetà.

Fl-aħħar sigħat ukoll kien ikkonfermat li tħassret iż-żjara pjanata ta’ delegazzjoni Amerikana fil-Pakistan, fejn suppost li kellhom isiru taħditiet ġodda dwar il-Gwerra tal-Iran.

Dan wara li d-delegazzjoni tal-Iranjani li suppost ħadet sehem fil-proċess telqet mingħajr avviż minn Islamabad.

Il-President Trump, sadanittant, sostna li d-delegati speċjali tiegħu, Steve Witkoff u Jared Kushner, li hu miżewweġ lit-tifla tal-President, ‘kienu jkunu qed jaħlu wisq ħin’ li kieku baqgħu jinsistu għal dawn it-taħditiet. Hu kompla li l-ballun, issa,jinsab f’saqajn l-Iranjani jekk kemm-il darba huma jixtiequ li jkomplu bid-djalogu ma’ pajjiżu.

‘Kulma l-Iranjani jridu jagħmlu hu li jikkuntattjawna u jesprimu l-intenzjonijiet tagħhom,’ kien il-kumment xott ta’ Trump lill-istampa.

Sadanittant, il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Abbas Aragchi, fi tmiem il-ġimgħa, issieħeb f’taħditiet mar-Rappreżentanti tal-Gvern Pakistani li qed iservi bħala medjatur fil-konflitt.

Wara t-taħditiet, Aragchi qal li kien spjega l-pożizzjoni tal-Iran u l-potenzjal għall-waqfien tal-gwerra. Madankollu, hu sostna wkoll li l-Iran irid jaċċerta jekk l-Amerikani humiex ġenwini meta jgħidu li jridu jikkommettu ruħhom bis-sħiħ għall-proċess diplomatiku.

Fl-istess ħin, dan il-proċess diplomatiku kellu jispiċċa staġnat minkejja li Donald Trump estenda s-‘ceasefire’ – li suppost skada fit-22 ta’ April – biex jippermetti għat-tkomplija tat-taħditiet bejn ir-rappreżentanti tiegħu u d-delegati minn Teheran.

Sitwazzjoni staġnata f’Hormuz

Hu minnu wkoll li l-konfrontazzjoni dwar ir-Rotta ta’ Hormuz għadha fis-seħħ u meta mhux qed jgħaddi s-soltu traffiku tat-tankers taż-żejt u vapuri oħrajn merkantili minn din iz-zona ta’ baħar ikkontrollata mill-Iranjani.

U waqt li l-Iranjani qed jillimitaw l-aċċess għall-vapuri minn din ir-Rotta, l-Istati Uniti qed tkompli twaqqaf il-vapuri milli jidħlu u joħorġu mill-portijiet tal-Iran.

L-istaġnar f’din is-sitwazzjoni qed tinvolvi anki l-issue nukleari, bl-Iran mhux lest li jirrinunċja għall-ambizzjonijiet tiegħu f’dan il-qasam taħt il-pressjoni tal-Amerikani.

Intant, il-Gvern Amerikan insista li lest jagħmel minn kollox biex jevita sitwazzjoni fejn l-Iran jikseb l-armamenti nukleari biex jattakka lill-Istati Uniti u pajjiżi oħrajn.

Jidher ukoll li l-Istati Uniti qed taħseb biex iżżid il-preżenza navali tagħha fir-Rotta ta’ Hormuz, fejn, qabel il-gwerra, kienu jgħaddu bejn 20 u 30 fil-mija tal-kunsinni taż-żejt lill-pajjiżi tad-dinja.

L-Istati Uniti, fl-istess ħin, hi determinata li ma tħallix lill-Iran jesporta ż-żejt li qed jipproduċi u li hu sors kbir ta’ introjtu għall-Istat Iżlamiku.

Sadanittant, u filwaqt li l-Iran, fl-aħħar sigħat, eskluda li kien qed jippjana għal laqgħa ‘diretta u ta’ malajr’ mar-Rappreżentanti Amerikani, Donald Trump indika li l-waqfien mill-ġlied għandu jibqa’ intatt minkejja dak li fisser bħala ‘nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-Iranjani’.