Waqt ix-xhieda tiegħu fil-Qorti fejn qed jiġi akkużat b’diversi reati, Chris Fearne, l-ex deputat prim ministru u kandidat Laburist fid-distretti 3 u 4 prova jpinġi lilu nnifsu bħala spettatur fl-iskandlu ta’ Steward Health Care. Qal li Joseph Muscat kien qallu li Steward kienet se tieħu l-kontroll tal-koncessjoni u pprova jiddistanza ruħu kemm jista’ minn Muscat u Keith Schembri u Steward.
Madankollu, l-istess Fearne saħaq li l-investiment ta’ Steward kien se jkun “the real deal” u saħansitra mar jżur lil Steward f’Boston.
Il-MOU: Fearne jipprova jwaħħal kollox fuq Konrad Mizzi… iżda kien involut
F’testimonjanza tiegħu, Fearne ipprova jindika li hu u t-tim tiegħu ma kellhomx x’jaqsmu mal-Memorandum of Understanding (MOU) ma’ Steward u li kienet kollha xogħol Konrad Mizzi u t-tim tiegħu. Ir-realtà hija differenti.
Fearne kien attivament involut permezz tad-Dipartiment tas-Saħħa tiegħu. Hu stess införma lill-Kabinett fl-2019 dwar il-materja, spjega l-iżviluppi fid-diskussjonijiet, ammetta li l-ispejjeż tal-MOU l-ġdid kienu se jogħlew u saħħaq li l-Ministeru tal-Finanzi kellu jipprovdi allokazzjoni addizzjonali lill-ministeru tiegħu. Dan kollu huwa rreġistrat fil-minuti uffiċjali tal-Kabinett.
Sorsi infurmati jikkonfermaw li l-kostings tal-isptar fil-MOU ġew ikkalkulati minn xi membri tal-kumitat ta’ negozjati nominati espressament mill-ministeru ta’ Fearne.
Anzi, l-MOU kien negozjat minn tim konġunt bejn id-Dipartiment tas-Saħħa (Fearne) u l-grupp tal-PPPs (Mizzi), b’numru ugwali ta’ membri minn kull naħa. L-analizi finanzjarja u l-kostings saru fil-biċċa l-kbira mit-tim tas-Saħħa ta’ Fearne. Il-ftehim ġie ppreżentat lill-Kabinett, approvat u ffirmat bħala MOU mhux binding.
L-2020-2022: il-perjodu li Fearne jinsa dwaru
L-aktar parti skandaluża tat-testimonjanza hija l-mod kif Fearne ipprova jevita kompletament il-perjodu 2020-2022, meta Konrad Mizzi kien barra mill-politika u r-responsabbiltà tal-konċessjoni kienet għal kollox fuq Fearne. Minflok jaccetta r-responsabbiltà, ipprova jwaħħal kollox fuq Robert Abela u qal li hu ried “itemm” il-konċessjoni.
Il-fatti huma differenti.
Ir-rinegozjati tas-sena 2020, Fearne u Abela kellhom l-approvazzjoni tal-Kabinett, mhux terminazzjoni.
Minflok ma ried “itemm” il-konċessjoni, Fearne flimkien ma’ Robert Abela beda round ġdid ta’ negozjati ma’ Steward Health Care (SHC) biex jirristruttura l-konċessjoni tal-isptarijiet.
Id-diskussjonijiet kienu mmexxija b’mod attiv mit-team ta’ Fearne u Abela. L-għan kien li Steward Health Care tieħu ħsieb il-kostruzzjoni (design and build) u l-immaniġġjar fit-tul. Kienu qegħdin jipproponu ftehim ta’ ġestjoni ta’ 30 sena b’pagamenti bbażati fuq prestazzjoni.
Sa tmiem l-2020 kienu lesti erba’ ftehimiet ewlenin:
* Termination, Settlement and Arbitration Agreement
* Termination Compensation Agreement
* Deed of Emphyteutical Rescission
* Management Services Agreement (li kienet se tgħaddi servizzi mhux kliniċi lil SHC sa 2046)
Fit-18 ta’ Diċembru 2020 il-Kabinett ta’ Robert Abela u Chris Fearne approva r-ristrutturar propost, u l-proċess kien qed imur ‘il quddiem. Dan kollu huwa fatt dokumentat.
Kollox waqaf biss wara l-pressjoni qawwija tal-Partit Nazzjonalista u minħabba l-kawża fil-qorti.
Minuti tal-Kabinett – 10 ta’ Settembru 2019:
Progress dwar Expressions of Interest – Diskussjonijiet bejn il-Gvern u Steward Healthcare
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa għarraf lill-Kabinett li għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Gvern u Steward Healthcare minħabba li nħass li hemm xi affarijiet li jinħtieġ jinbidlu fil-ftehim li kien hemm dwar servizzi tas-saħħa. Huwa spjega li dawn id-diskussjonijiet qed isiru bil-parteċipazzjoni u b’konsultazzjoni mal-Ministeru għall-Finanzi.
Kif ukoll li bħala Ministru nkarigat minn Projects Malta, il-Ministru għat-Turiżmu qed imexxi dawn id-diskussjonijiet.
Dawn id-diskussjonijiet għandhom itejbu s-servizzi provduti u jġibu marġini aktar l-interessi tal-pajjiż, iħarsu l-impatt fuq in-nefqa tal-Gvern għall-qasam tas-saħħa. Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa fisser li hemm il-ħsieb dan ikun il-każ dejjem kif hemm ukol it-tħejjijiet li jittieħdu allokazzjonijiet separati mill-Ministeru għall-Finanzi.
//= $special ?>

