Internazzjonali

Stati Uniti: Jinvestigaw l-isparatura waqt ikla tradizzjonali f’lukanda fejn kien hemm preżenti l-President Trump u Mexxejja ewlenin oħrajn

Is-servizzi sigrieti fl-Istati Uniti għadhom qed jinvestigaw inċident xokkanti li seħħ fil-lejl tas-Sibt u li kienet tinvolvi sparatura f’lukanda fejn il-President u l-Viċi President tal-pajjiż kienu qed jattendu għall-ikla annwali u tradizzjonali magħrufa bħala l-White House Correspondents Dinner.

L-inċident, f’Kalifornja, ma ħalla l-ebda vittmi jew midruba, bir-raġel inkwistjoni, identifikat bħala Cole Tomas Allen, bħalissa qed jgħin l-istħarriġ tal-pulizija. Ir-raġel, li huwa għalliem, kien mistieden fil-lukanda Washington Hilton fejn kienet qed issir l-ikla u l-pulizija, wara,  ikkonfermat li hu kien qed iġorr diversi armi tan-nar u skieken fuq persuntu.

Allen anki sofra xi ġrieħi waqt li kienu qed irażżnuh il-membri tas-servizzi sigrieti u  kellu jiddaħħal l-isptar b’konsegwenza.

Sadanittant, mistenni li jitressqulu l-akkużi formali dwar l-inċident proprju għada it-Tnejn.

Dan waqt li l-kapijiet tas-servizzi sigrieti tal-Istati Uniti, waqt kummenti lill-istampa, qalu li l-inċident kien jinvolvi ‘raġel kodard li Pprova joħloq traġedja nazzjonali’.

Għall-ikla kien hemm preżenti l-eluf ta’ persuni, fosthom id-Direttur tal-FBI, Kash Patel,  u malli nstema’ l-isparar, in-nies niżlu taħt l-imwejjed fost il-kaos u l-konfużjoni – bl-aġenti tas-servizzi sigrieti jevakwaw lill-President Donald Trump, martu Melania u JD Vance ’l barra mill-ballroom fejn kien qed isir l-avveniment.

Ftit wara l-inċident, Donald Trump bagħat ritratt tal-allegat aggressur fuq il-midja soċjali.

Hu mifhum li l-aggressur kien daħal bil-forza fil-lobby tal-lukanda fejn żgiċċa lill-membri tas-sigurtà preżenti waqt li ta salt lejn il-ballroom… Dan waqt li hu spara xi tiri u bil-mistednin jinfirxu f’paniku huma u jfittxu l-kenn.

Dan ir-raġel, fost oħrajn, mistenni jiffaċċja akkużi dwar attentat ta’ qtil minbarra akkużi oħra relatati mal-ġarr tal-armi tan-nar. Akkuża oħra tinvolvi l-aggrediment ta’ uffiċjal tal-liġi li ntlaqat b’tir u salva għaliex kien liebes bulletproof  vest.

Trump jgħid li qed ikollu jgħix taħt id-dell ta’ vjolenza potenzjali

Wara li s-sitwazzjoni kkalmat, Donald Trump, li kien ittieħed lejn post sikur, sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet fejn fisser il-kariga ta’ President tal-Istati Uniti bħala ‘waħda perikoluża u li fiha dejjem hemm it-theddida ta’ vjolenza fil-konfront tiegħu’.

Hu kompla li, illum, hemm ħtieġa għal-livelli tas-sigurtà fl-Istati Uniti li ħadd qatt ma ra bħalhom waqt li sostna li l-awtoritajiet mhumiex se jippermettu dan it-tip ta’ theddid lis-soċjetà.

Meta l-ġurnalisti staqsewh għaliex seta’ spiċċa l-mira ta’ assassin potenzjali, Trump wieġeb li l-inċident x’aktarx li seħħ għaliex ‘hu persuna influwenti ħafna’ filwaqt li qabbel lilu nnifsu ma’ Abraham Lincoln, l-ewwel President tal-Istati Uniti li kien spiċċa assassinat fl-1865.

Fl-2024, kien seħħ attentat fuq il-ħajja ta’ Donald Trump meta hu kien qed iħejji biex jindirizza rally politiku f’’Butler, fl-Istat ta’ Pennsyvania. Fl-istess inċident kien inqatel raġel, bi tnejn oħra jisfaw midruba, b’waħda mill-balal sparati mill-aggressur tgħaddi bi żbrixx minn ma’ widnejn Trump.