Sport

Floriana r-rebbieħa tal-Veterans Malta Football Association Malta Premier League

Floriana huma r-rebbieħa tal-Veterans Malta Football Association Malta Premier League wara li għelbu lil Malta Football Players Association 5-0 fil-logħba deċiżiva li ntlagħbet fil-Mediterranean College of Sport, f’Birkirkara.

Floriana kienu determinati li jirbħu l-Kampjonat wara li fl-istaġun li għadda fallew fil-konfront kontra Gżira United. Din id-darba kienu motivati u ftit ħallew lill-avversarji diretti tagħhom jilagħbu l-logħob tipiku tagħhom.

Manolito Micallef poġġa lill-Floriana fil-vantaġġ b’daqqa ta’ ras sabiex qabel tmiem l-ewwel taqsima, Bojan Kaljevic u l-istess Micallef għamlu l-iskor 3 – 0 għal Floriana. Bir-riżultat deċiż. Fit-tieni taqsima, Kaljevic skorja t-tieni gowl personali bl-aħħar gowl tal-partita skorjat mis-sostitut Ryan Darmanin għall-iskor finali ta’ 5-0.

Wara l-partita, il-President tal-Veterans Malta Football Association, Malcolm Camilleri ippreżenta t-trofew tal-Kampjonat lill-captain ta’ Floriana Manolito Micallef.

Referee kien Lorry Sammut.

F’partita oħra mill-istess kampjonat, Rabat Veterans temmew il-kampjonat b’rebħa kbira ta’ 12-0 kontra Żurrieq Wolves fejn Adam Smeir skorja xejn inqas minn disa’ gowls filwaqt li Andre Scicluna skorja tliet gowls sabiex Rabat temmew fir-raba’ post tal-kampjonat b’19-il punt.

Il-klassifika finali tal-Veterans Malta Premier League:

Floriana 36 punt; Malta Football Players Association 34 punt; Gżira United 22 punt; Rabat 19-il punt; Luxol 18-il punt; Hibernians 16-il punt; Żurrieq Wolves 12-il punt; Birkirkara St Helen’s 8 punti.

Fil-klassifika tal-aqwa scorers: Stanimir Miloskovic – Malta Football Players Association b’25 gowl; Adam Smeir – Rabat b’21 gowl u Manolito Micallef – Floriana b’20 gowl.