Il-membri Għawdxin tal-Grupp PPE fil-Kumitat Ewropew tar- Reġjuni (CoR) ġew fdati mill-Kummissjoni COTER biex jaħdmu fuq opinjoni dwar l-Istrateġija tal-Portijiet tal-UE.
Noel Formosa, Viċi President tar-Reġjun Għawdex u Sindku ta’ San Lawrenz, li kellu rwol ewlieni fit-tmexxija ta’ din l-inizjattiva fl-EPP-CoR, qal: “Ix-xogħol fuq l-Istrateġija tal-Portijiet tal-UE huwa vitali għal Għawdex, fejn l-uniku port tal-gżira jiffunzjona bħala linja ta’ ħajja b’ħafna skopijiet. Fl-istess ħin isostni l-mobbiltà tal-passiġġieri, il-provvista tal-merkanzija, is-sajd, it-turiżmu u l-attivitajiet ta’ rikreazzjoni, filwaqt li jospita wkoll l-unika marina tal-gżira u jappoġġa komunità ta’ residenti. Il-port huwa wkoll limitat minn triq waħda ta’ konnessjoni, li tagħmlu partikolarment sensittiv u strateġiku f’termini ta’ aċċessibbiltà, reżiljenza u koeżjoni territorjali. Dawn il-karatteristiċi jqiegħdu lil Għawdex f’pożizzjoni unika biex jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal din l-opinjoni, billi joffri eżempju konkret ta’ kif il-portijiet fir-reġjuni gżejjer imorru ferm lil hinn mill-funzjoni loġistika tagħhom u jsiru ankri essenzjali mill-aspett soċjoekonomiku u komunitarju.”
Kevin Cauchi, Sindku ta’ Għajnsielem, ġie maħtur bħala rapporteur. Fl-ewwel kummenti tiegħu, qal: “Inħossni onorat li nieħu din ir-responsabbiltà u li nirrappreżenta mhux biss lil Għawdex iżda lill-gżejjer Ewropej kollha. Din hija opportunità biex niżguraw li l-politiki tal-UE jkunu prattiċi, inklużivi u jirrispondu għar-realtajiet li jiffaċċjaw ir-reġjuni gżejjer.” Żied jgħid: “Irridu nattiraw investiment tal-UE biex intejbu l-port f’Għawdex sabiex ikun jista’ jlaħħaq mal-ħtiġijiet li qed jevolvu, filwaqt li jikkontribwixxi b’mod attiv għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.” Cauchi rringrazzja lil Formosa talli nnominah għal din ir-rapporteurship bħala sindku tal-lokalità li tospita l-port ewlieni u uniku tal-gżira.
//= $special ?>

