Lokali

“Din l-elezzjoni bikrija trid tkun mument ta’ verita u mhux ta’ slogans” – Il-Kap tal-PN Alex Borg

“Din l-elezzjoni bikrija trid tkun mument ta’ verita u mhux ta’ slogans għaliex il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu kwalita ta’ ħajja aħjar.”

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’indirizz lin-Nazzjon wara li t-Tnejn filgħaxija Robert Abela ħabbar elezzjoni bikrija li se ssir fit-30 ta’ Mejju li ġej.

Alex Borg saħaq li l-Partit Nazzjonalista jinsab lest għal din il-kampanja elettorali. Huwa qal li din l-elezzjoni mhix dwar kemm hemm billboards iżda elezzjoni fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-ekonomija qed tikber iżda dan il-kobor mhuwiex jinħass mal-familji Maltin u Għawdxin li mhux qed ilaħqu sal-aħħar tax-xahar, li qed iqattgħu s-sigħat jistennew fl-Emerġenza kif ukoll li qed isibu t-traffiku f’kull ħin tal-ġurnata.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li ekonomija b’saħħitha għandha tkun mezz biex in-nies jgħixu aħjar, mhux skuża biex il-pajjiż jibqa’ taħt aktar pressjoni.

Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jrid pagi aħjar, aktar produttivita, inqas dipendenza fuq il-volum, aktar serħan il-moħħ, aktar ħin għall-familja u aktar kwalita fil-ħajja ta’ kuljum.

Matul id-diskors tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu qed jaffaċċja numru ta’ sfidi fosthom li ż-żgħażagħ ma jaffordjawx li jixtru l-ewwel propjeta tagħhom u li l-familji mhux qed isibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Alex Borg qal li rridu pajjiż li l-anzjani jingħataw rispett, fejn l-familji jkollhom serħan il-moħħ, fejn ix-xogħol jagħti dinjita, fejn it-toroq jaħdmu, l-istituzzjonijiet jaħdmu, l-isptarijiet jaħdmu u li l-pajjiż jerġa jemmen fih innifsu.

Għaldaqstant, Alex Borg sostna li din l-elezzjoni bikrija hija għażla importanti għan-Nazzjon u li pajjiżna għandu bżonn Gvern li jagħti widen lin-nies u jfassal politika li verament tħoss il-polz tal-poplu kollu.