Lokali

Il-Ministri bla pożizzjoni dwar il-pont pedonali

Il-Ministri li huma kandidati fuq id-disa’ distrett, iddeċċidew li jiqbgħu gallarija dwar il-pont pedonali li ġie approvat f’Tal-Pieta’ – ftit metri l-bogħod mill-Imsida.

Wara li l-Prim Ministru Robert Abela kien stqarr li dan il-pont jaf ikun ta’ inkonvenjent għar-residenti, Net News staqsa lill-kandidati ta’ dawn il-lokalitajiet fosthom l-Ministru Michael Falzon u s-Segreatrju Parlamentari Rebecca Buttigieg li donnhom ma riedu jintnu ma ħadd – la mal-Ministru Bonnet u lanqas mar-residenti li kontinwament qed jopponu dan il-pont, flimkien mal-kunsilli lokali rispettivi.

Il-Ministru Michael Falzon għażel li jaħrab kompletament mill-mistoqsija filwaqt Buttigieg qalet li taf bit-tħassib tar-residenti. Iżda xorta qed tibqa’ ċassa quddiem din is-sitwazzjoni.

Kien fis-6 ta’ April meta l-Awtorità tal-Ippjanar tat il-permess mill-ġdid għal dan il-pont mingħajr ma saret l-ebda konsultazjzoni mal-kunsilli taż-żewġ lokalitajiet; jiġifieri dak tal-Imsida u dak tal-Pietà.

L-awtorizzazzjoni ingħatat permezz ta’ Minor Amandment, li sar fuq il-permess oriġinali u li ħareġ ftit jiem wara li l-Ministru kellu laqgħa mal-Kunsill Lokali tal-Imsida fejn kien wiegħed li qabel ma jsir xi tibdil kien se jkun hemm konsultazzjoni; xi ħaġa li ma ġratx.

Fl-aħħar jiem numru ta’ għaqdiet fosthom il-Moviment Graffiti, Friends of the Earth, Rota u Flimkien għal Ambjent Aħjar ikkundanaw l-attentat deskritt bħala “kodard” minn naħa tal-Gvern biex jerga’ jqajjem pjanijiet antiki ta’ pont pedonali kontroversjali, permezz ta’ mossa “malizzjuża”.