“Gvern ġdid Nazzjonalista se jfassal politika li tindirizza l-isfidi ta’ kulħadd u għalhekk huwa importanti li l-politiċi jitkellmu kemm man-negozji kif ukoll mal-ħaddiema sabiex ħadd ma jitħalla lura.”
Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara li kellu t-Tnejn filgħodu fl-uffiċini tal-PwC – żjara li saret bħala parti minn serje ta’ attivitajiet ta’ Jum il-Ħaddiem.


Mal-wasla tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ġie milqugħ mit-tmexxija ta’ din il-kumpanija fejn spjegawlu n-numru ta’ servizzi finanzjarji li joffru; fosthom awditjar, taxxa u konsulenzi.

F’kummenti ma’ Net News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg spjega li ditta bħal din tikkontribwixxi ħafna għall-ekonomija ta’ pajjiżna; iżda minkejja l-kobor tagħha xorta taffaċċja numru ta’ sfidi.

Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Graham Bencini, Darren Carabott u Ryan Callus kif ukoll mill-kandidat għall-elezzjoni ġenerali li jmiss Fredrick Aquilina.



