Konferma li għad baqa’ x’jinkixef dwar Clayton Bartolo. Konferma li waslet mingħand Clayton Bartolo nnifsu – għalkemm qed jgħid li dan huwa biss “attakk” fuqu.
F’post fuq il-midja soċjali, id-deputat Clayton Bartolo spjega illi minħabba li se tiġi żvelata storja oħra fuqu u fuq il-familja tiegħu – mhux se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Fil-fatt, fl-aħħar sigħat Clayton Bartolo ddikjara li fi żmien l-elezzjoni ġenerali se tkun qed tiġi żvelata storja oħra li fiha għandhom x’jaqsmu kemm hu u l-mara tiegħu. B’hekk, minħabba dak li sejjaħ “attakk viljakk” mhux se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Clayton Bartolo, li kien Ministru tat-Turiżmu, kien sfurzat jirreżenja wara numru ta’ skandli li ħakmuh fi ftit jiem.
Fil-fatt, inizjalment kien ġie żvelat li l-mara tiegħu, Amanda Muscat kienet ingħatat konsulenza li għaliha kienet titħallas mas-70 elf ewro – job li għalih lanqas kienet tmur. U ftit tal-jiem wara kien żvelat li Bartolo kien abbuża mill-poter tiegħu bħala Ministru meta ta xogħol lil martu, b’paga ta’ eluf ta’ ewro u li lanqas kienet twettqu.
Il-midja kienet ukoll żvelat li l-Pulizija rċeviet rapport b’allegazzjonijiet dwar numru ta’ pagamenti li rċeviet Amanda Muscat fuq perjodu ta’ sitt xhur fl-2023 u li qajjmu suspett sostanzjali biex skattat investigazzjoni.
Issa, minn post li għamel l-eks Ministru stess, jidher li se tkun żvelata storja oħra li tant se tkun ta’ impatt li mhux se jkun jista’ jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss – hekk kif kollox jindika li Robert Abela, f’dan il-każ, ma ħariġx għonqu għalih. Bid-differenza għal kif mexa ma’ Roderick Galdes u Rosianne Cutajar li se jħallihom jikkontestaw l-elezzjoni.
Sorsi oħra qed jgħidulna li saru manuvri interni mill-Ministru Jonathan Attard biex lil Bartolo jaqtalu rasu. U ma jkunx ta’ theddida fuq it-12-il Distrett.
//= $special ?>

