Basketball Sport

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel- FINALI: Starlites Revive jaqilbu s-serje favur tagħhom bit-tieni rebħa

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Starlites Revive 100

Hibernians 84

(28-19)(31-27)(20-25)(21-13)

Starlites Revive kisbu rebħa importanti ta’ 100-84 fuq Hibernians biex marru 2-1 minn fuq fis-serje finali l-aħjar minn ħames partiti, wara prestazzjoni konvinċenti fejn iddominaw għal kważi l-ħin kollu u wrew aktar fond, aktar effiċjenza u kontroll tal-mumenti kruċjali. Fil-fatt, Starlites kienu fil-vantaġġ għal aktar minn 38 minuta u l-akbar distakk tagħhom laħaq is-16-il punt. Huma kellhom shooting eċċellenti ta’ 56.9% minn ġewwa, 42.3% minn barra u 44 punt mill-bank, filwaqt li sfruttaw ukoll turnovers tal-avversarji għal 25 punt. Il-wirjiet individwali ta’ Starlites kienu mifruxa sew fost diversi players. Matthew Scerri kien l-aqwa skorer b’22 punt, Musa Jallow żied 15-il punt u 11-il rebound, Jackson Threadgill kellu 14-il punt, filwaqt li Ian Felice Pace u Alec Felice Pace temmew bi 13 u 8 punti rispettivament. Kontribut qawwi wasal ukoll mill-bank, b’Miguel Fabri jżid 9 punti importanti. Għal Hibernians, Ayomide Ajiboye spiċċa b’22 punt, Deonte Jackson kellu 20 u Ivan Demcesen żied 19-il punt u 10 rebounds, iżda ma kienx biżżejjed biex iżommu l-pass.

Il-partita bdiet b’ritmu tajjeb minn Starlites li mal-ewwel ħadu kontroll. Wara tlett minuti tal-ewwel sessjoni kienu 10-2 minn fuq wara bidu aggressiv fiż-żona u fit-tranżizzjoni. Hibernians irnexxielhom idawru temporanjament l-iskor għal 18-16 fis-seba’ minuta, l-uniku mument li fih kienu minn fuq, iżda Starlites wieġbu immedjatament b’run oħra ta’ 12-1 u għalqu s-sessjoni 28-19 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Starlites komplew jagħfsu hekk kif fetħu bi trippla ta’ Ian Felice Pace u kabbru l-vantaġġ għal 32-19 u sar-raba’ minuta kienu 43-27 minn fuq, l-akbar distakk sa dak il-ħin. Hibernians għamlu reazzjoni tajba b’run ta’ 10-0 li naqqas l-iskor għal 43-37 u reġa’ fetaħ il-konfront, iżda Starlites baqgħu kalmi u wieġbu b’serje oħra ta’ punti minn Threadgill, Jallow u Scerri biex daħlu fil-mistrieħ 59-46 minn fuq.

Fit-tielet perjodu Hibernians ippruvaw jerġgħu jidħlu fil-logħba. Fis-sitt minuta naqqsu d-distakk għal 69-59, u sas-seba’ minuta waslu sa 69-64 wara pressjoni akbar difensivament u aktar aggressività taħt il-basket. Madankollu, Starlites reġgħu sabu r-risposta permezz ta’ Threadgill, Alec Felice Pace u Iturmendi biex għalqu s-sessjoni 79-71 u żammew kontroll sod tal-partita. Fir-raba’ sessjoni Hibernians reġgħu resqu viċin meta wara l-ewwel minuta l-iskor sar 79-75, iżda hemmhekk wasal il-mument deċiżiv. Starlites wieġbu b’run qawwija mmexxija minn Ian Felice Pace, Musa Jallow u żewġ three-pointers konsekuttivi ta’ Matthew Scerri li kabbru l-vantaġġ għal 91-77 fil-ħames minuta. Minn hemm ’il quddiem il-partita kienet f’idejn Starlites, li kkontrollaw l-aħħar minuti u għalqu fuq skor finali ta’ 100-84 biex issa jinsabu rebħa ’l bogħod mit-titlu.

Starlites Revive: A. Felice Pace 8, K. Fabri, T. Fee 6, A. Aquilina, S. Pace, I. Felice Pace 13, M. Fabri 9, M. Scerri 22, J. Iturmendi 8, J. Threadgill 14, K. Xuereb 5, M. Jallow 15.

Hibernians: N. Cassar 4, E. Simmons 2, A. Ajiboye 22, L. Farrugia, P. Stelmach 5, V. Kustudija, M. Gouder 9, D. Jackson 20, M. Attard, T. Gjurovski, I. Demcesen 19, S. Simic 3.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Florentina Ciurariu, Nestor Rincon