Basketball Sport

Kampjonat Mapfre Msv Life Nisa – Finali: Caffè Moak Luxol jibdew il-finali bil-kbir

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Starlites Revive 56

Caffe Moak Luxol 83

(13-15)(19-18)(9-20)(15-30)

Luxol bdew is-serje finali bil-kbir meta kisbu rebħa konvinċenti ta’ 83-56 fuq Starlites Revive, f’partita fejn wara bidu bilanċjat ħadu kontroll sħiħ u qatt ma ħarsu lura. Il-vantaġġ tagħhom kien rifless fl-istatistika, b’26 punt fil-fast break, 17-il punt minn turnovers u 49 rebound kontra 45. Min-naħa l-oħra, Starlites sabu diffikultà kbira speċjalment mix-xuttijiet minn barra, hekk kif irnexxielhom jagħmlu biss three-pointer wieħed minn 26 tentattiv, fattur li naqqsilhom ħafna l-produzzjoni offensiva tagħhom. Luxol kellhom wirjiet mill-aqwa minn Sarah Fenech Pace u Olivia Wikstrom, li kkombinaw perfettament bejniethom u Starlites ma setgħux isibu tarf tagħhom tul il-partita kollha. Sarah Fenech Pace temmet b’24 punt u 14-il rebound, filwaqt li Wikstrom żiedet 28 punt, 14-il rebound u 7 assists f’wirja kompluta ferm. Appoġġ tajjeb wasal ukoll mingħand Vanya Baldacchino bi 8 punti u Anna Fenech Pace b’6 punti. Għal Starlites, Makaila Napoleon kienet l-aqwa skorer bi 18-il punt, filwaqt li Georgia Haverlock żiedet 14 u Michela Zammit Cordina temmet b’9 punti.

L-ewwel sessjoni kienet waħda bilanċjata. Fit-tieni minuta Starlites kienu 7-4 minn fuq wara bidu tajjeb, iżda Luxol wieġbu gradwalment u b’run ta‘ 9-0 ħadu l-vantaġġ 13-7 fis-seba’ minuta. Minkejja li Starlites ġew lura b’sensiela ta’ free-throws, Luxol għalqu s-sessjoni 15-13 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Starlites fetħu bi trippla ta’ Makaila Napoleon u punti ta’ Michela Zammit Cordina u Julija Dabix biex sa’ nofs is-sessjoni kienu 24-21 minn fuq. Il-konfront baqa’ miftuħ b’diversi tibdil fil-vantaġġ iżda fl-aħħar minuti Luxol reġgħu sabu aktar kalma u daħlu jistrieħu 33-32 minn fuq.

It-tielet sessjoni kienet il-punt ta’ bidla deċiżiv. Sar-raba’ minuta, Luxol kienu punt minn fuq 40-39 wara trippla ta’ Wikstrom. Minn hawn ‘l quddiem, kien hemm dominju totali ta’ Luxol bi break ta’ 13-2 b’punti minn Sarah u Rebecca Fenech Pace flimkien ma’ Wikstrom u Baldacchino biex għalqu t-taqsima 53-41 minn fuq. Fir-raba’ sessjoni Luxol kabbru l-vantaġġ bi trippla ta’ Lisa Fenech Pace wara basket ta’ oħtha Sarah. Napoleon ippruvat idaħħal lil Starlites lura fil-partita però Luxol malajr irrispondew bi break ieħor ta’ 9-1 b’aktar punti minn Wikstrom u S. Fenech Pace. Fl-aħħar minuti l-vantaġġ kompla jikber sa massimu ta’ 27 punt wara run oħra ta’ 10-2, biex Luxol għalqu b’rebħa ċara ta’ 83-56 u bdew il-finali bl-aħjar mod possibbli.

Starlites Revive: Y. Ferrando, M. Riolo 5, C. Cilia, P. Riolo 4, M. Zammit Cordina 9, M. Fenech, R. Naudi 4, G. Haverlock 14, L.M. Zammit, M. Napoleon 18, J. Abela, J. Dabic 2.

Caffè Moak Luxol: G. Carabott 2, E. Axisa 2, L. Fenech Pace 7, H. Galea, R. Fenech Pace 6, J. Said, E. Abela, S. Fenech Pace 24, O. Wikstrom 28, V. Baldacchino 8, S. Sciberras,  A. Fenech Pace 6.

Referees: Gordon Barbara, Miguel Pablo De Flavia, Leonardo Silvero