Sport

Kampjonati tad-Dinja tat-Taekwondo Juniors

Alycia Cassar irrappreżentat b’suċċess lill-Assoċjazzjoni Maltija tat-Taekwondo fil-Kampjonati tad-Dinja tat-Taekwondo Juniors li saru f’Tashkent, fl-Użbekistan.

Cassar kellha wirjiet mill-aktar pożittivi riżultat ukoll ta’ ħila u determinazzjoni f’kompetizzjoni ta’ livell mondjali.

Fl-ewwel konfront tagħha fil-kompetizzjoni, Alycia Cassar iġġieldet kontra Istabrak IIaoui darbtejn champion tat-Tuneżija u ċ-champion attwali tal-kontinent Afrikan.

Il-konfront beda b’bidu qawwi minn Miaroui li assigurat l-ewwel rawnd b’żewġ body shots eżegwiti tajjeb ħafna. Reazzjoni minn Alycia Cassar li wieġbet b’mod impressjonanti fit-tieni rawnd. Hija ħadet il-kontroll tal-logħba b’tattiċi preċiżi u headshots preċiżi, u ħolqot vojt ċar fuq l-iskorbord u ġabet il-kompetizzjoni indaqs. It-tielet u l-aħħar rawnd kien wieħed ta’ tensjoni u tattika fejn iż-żewġ atleti wrew għarfien ta’ livell għoli, u l-ebda waħda minnhom ma rnexxielha tiskorja għall-maġġoranza tar-rawnd. Fl-aħħar sekondi, iżda Miraoui ħadet vantaġġ ta’ 2–0 b’erba’ sekondi  għat-tmiem. Telfa minima iżda missielta għal Alycia Cassar fejn il-fatt li telgħet ras imb ras ma’ atleta ta’ dan il-livell u li mbuttaw il-logħba sal-aħħar,sekondi jirrifletti l-potenzjal u d-determinazzjoni tagħha.

F’dawn il-Kampjonati Alycia Cassar kienet flimkien mal-kowċ nazzjonali Ditmir Vodinay. Preżenti wkoll Anna Vassallo, President tal-Malta Taekwondo Association;li bħala membru fil-Kunsill tal-World Taekwondo attendiet ukoll għal Laqgħat tal-Eżekuttiv f’Tashkent kif ukoll għall-Assemblea Ġenerali flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija, Joanna Scicluna.