a
Il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Abbas Araghchi, beda żjara fir-Russja wara li hu, fi tmiem il-ġimgħa, iddiskuta l-Gwerra tal-Iran mar-Rappreżentanti ta’ diversi pajjiżi li qed ikunu affettwati indirettament minn dan il-konflitt.
Araghchi, fil-preżent, għaddej bil-laqgħat f’Moska mal-President Russu, Vladimir Putin. Dan wara ż-żjara tiegħu fl-Oman fejn, fost oħrajn, iddiskuta l-mezzi li jaċċertaw il-moviment ħieles tal-bastimenti mir-Rotta ta’ Hormuz li fl-aħħar ġimgħat inbidlet f’zona ta’ gwerra.
Il-Ministru Iranjan, fi tmiem il-ġimgħa, anki għamel żjara qasira fil-Pakistan fejn wassal l-intenzjonijiet tal-Iran biex jikkontribwixxi għal strateġija li kapaċi tirriżulta fit-tmiem tal-konflitt bejn l-Iran u l-Istati Uniti.
Madankollu, Abbas Araghchi qed iwaħħal kompletament fl-Istati Uniti għall-fatt li krollat l-aħħar fażi ta’ diplomazija intiża għat-tmiem tal-gwerra fir-reġjun tal-Golf li ilha għaddejja mit-28 ta’ Frar. Hu tenna li l-Iran u d-dinja jridu jaraw jekk l-Istati Uniti, fil-fatt, tridx tidħol bis-serjetà, ‘il quddiem, għall-impenn diplomatiku.
Il-kummenti ngħataw wara li l-Istati Uniti ħassret il-pjani biex ir-Rappreżentanti tagħha, Steve Witkoff u Jared Kushner, jiltaqgħu ma’ delegazzjoni mill-Iran għal taħditiet programmati f’Islamabad, il-kapitali tal-Pakistan..
Fl-istess ħin, is-sitwazzjoni fir-Rotta ta’ Hormuz għadha staġnata minkejja li l-President Amerikan, Donald Trump, estenda s-ceasefire li suppost kellu jiskadi fit-22 ta’ April, bil-ħsieb li jippermetti aktar żmien għal djalogu mal-Iran.
Madankollu, aktar osservaturi qed jgħidu li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied temporanju ma jiswiex aktar minn sempliċi ‘kliem fuq karta’; bit-traffiku tal-vapuri minn Hormuz għadu suġġett għall-intoppi u theddid li jirrifletti wkoll inċertezza għall-ekonomiji td-dinja.
Sadanittant, il-Gwerra fil-Libanu tidher li qed tkompli minkejja l-estensjoni tas-ceasefire f’dan il-pajjiż bi tlett ġimgħat. Dan meta l-Gvern Lebaniż ikkonferma li l-qawwiet ta’ Iżrael – l-alleati tal-Istati Uniti f’din il-gwerra – wettqu numru ta’ attakki fuq it-territorji tal-Libaniżi, u li fihom inqatlu 15, inkluż żewġt itfal. L-Iżraeljani qalu li wettqu l-azzjoni wara li suldat tagħhom inqatel f’attakk bid-drones min-naħa tal-milizjij Lebaniżi Xiti tal-Ħeżbollah, alleati tal-Iran.
Fl-aħħar sigħat, fil-fatt, Iżrael u l-Ħeżbollah komplew jisparaw fuq il-pożizzjonijiet ta’ xulxin f’sitwazzjoni li, ftit jew wisq, qed tannulla l-ftehim fraġli għall-waqfien mill-ġlied.
//= $special ?>

