Lokali Transport

Proġett ieħor tat-trasport tal-massa li mhu xejn għajr wegħda oħra tas-“silly season”

Ftit jiem biss wara l-preżentazzjoni ta’ Chris Bonett, Clyde Caruana jiddikjara li mhux konvint dwar il-vijabbiltà tal-proġett; jhedded li jirriżenja jekk il-Gvern jibqa’ għaddej bil-pjan li ħabbar

Għaddew biss ftit jiem u l-proġett il-ġdid tat-trasport tal-massa li ħabbrilna b’tant pompa nhar il-Ħamis il-Ministru Chris Bonett diġà jidher li mhu xejn ħlief wegħda oħra tal-famuż “silly season”.

Il-konferma ta’ dan ġiet mill-Gvern stess: l-ewwel mill-Ministru Clyde Caruana u mbagħad mill-Prim Ministru Robert Abela nnifsu li t-tnejn ikkonfermaw kemm dak li ppreżenta Chris Bonett ma saru l-ebda costings dwaru u fil-fatt għadna fil-għama dwar kemm se jiġi jiswa eżatt dan il-proġett.

F’intervista mal-MaltaToday ilbieraħ il-Ministru għall-Finanzi kkonferma li la kien ikkonsultat u wisq inqas hu konvint mill-vijabbiltà tal-proġett. Tant li qal li mhux lest jagħti l-approvazzjoni tiegħu jekk “in-numri ma jagħmlux sens”, akkost li jkollu jirriżenja jekk il-Gvern jibqa’ għaddej bih.

“You cannot have the cake and eat it”, kompla jgħid il-Ministru tal-Finanzi lill-MaltaToday, waqt li implika li dan il-proġett mhux prijorità.

Din mhix l-ewwel darba li Clyde Caruana esprima x-xettiċiżmu tiegħu fl-apert dwar dan il-proġett. F’Settembru li għadda kien iddeskriva l-wegħdi ta’ Robert Abela dwar il-metrò bħala “proposti tas-silly season”, jiġifieri wegħdiet fiergħa li jsiru qabel kull elezzjoni. Issa qed jhedded li jekk il-Gvern jibqa’ għaddej mingħajr il-benedizzjoni tiegħu, “bħal f’kollox fil-ħajja, imut Papa u jilħaq ieħor”.

Ftit wara din id-dikjarazzjoni ta’ Clyde Caruana, biex ibenġilha fid-dawl tat-theddida li qed jagħmillu l-Ministru għall-Finanzi li ma japprovax dan il-proġett, f’intervista fuq is-Super One, Robert Abela nnifsu wkoll ammetta li għad trid titqies il-vijabbiltà ta’ dan il-proġett li ħabbar il-Gvern.

Huwa diżappuntanti li għal darba oħra, fuq suġġett daqstant importanti għall-pajjiż u għall-Maltin u l-Għawdxin, reġa’ għandna esponenti prinċipali tal-Gvern Laburista li lanqas biss qed jaqblu bejniethom.

Wara li ħela 14-il sena sħaħ, huwa ċar li dan il-Gvern mhu se jasal qatt biex iwettaq dan il-proġett importanti u bżonjuż għal pajjiżna.

Minn dak li smajna sa issa dwar il-pjan li ressaq il-Gvern Laburista, l-unika ħaġa li dwarha jistgħu jserrħu rashom il-Maltin u Għawdxin hija biss li għandhom ħames snin oħra mwaħħlin fit-traffiku waqt li l-Gvern jibqa’ jistudja biex forsi erba’ snin oħra jibda x-xogħol, u fi żmien 15-il sena oħra jkollna sistema ġdida.

Għall-kuntrarju, mal-Partit Nazzjonalista, taf fejn int.

Fl-ewwel 100 jum ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Alex Borg, ikun varat qafas ta’ implimentazzjoni għal proġett ta’ trasport tal-massa, u fl-ewwel leġiżlatura tkun lesta l-ewwel linja ta’ din is-sistema moderna tat-trasport li tant għandu bżonn pajjiżna.