Lokali

Robert Abela jniedi l-kampanja tiegħu – qed jgħid li għandu “kredibbiltà”

F’dawn l-aħħar 4 snin stħarriġ wieħed wara l-ieħor wera biċ-ċar li l-akbar tħassib tal-Maltin u l-Għawdxin kienu t-traffiku, l-ambjent, iż-żieda fil-popolazzjoni u l-iżvilupp mhux sostenibbli.

4 snin ta’ appelli u protesti kawża ta’ ekonomija tal-kwantità li ġab unikament dan il-gvern mingħajr viżjoni fit-tul.

Biex issa, l-istess Mexxej Laburista Robert Abela sostna li hu u t-tim tiegħu għandhom il-kredibbiltà biex jindirizza dawn l-isfidi…wara 13-il sena ta kriżijiet li sfortunatament ma waqfux jakkumulaw.

Robert Abela insista li l-focus tiegħu huwa l-benesseri tan-nies – madanakollu, għad-differenza tad-diskors tiegħu, il-fatti juru li s’issa m’offra ebda soluzzjoni għat-traffiku, l-popolazzjoni u t-tniġġis.

U wara das-snin kollha, qed jappella lill-poplu biex iżommu kontabbli ta’ kliemu – għalkemm ammetta li perfett mhux.

Surrealment Robert Abela qal li hu jmexxi Kabinett u Grupp Parlamentari mill-aqwa – dan minkejja li saħansitra fil-Grupp Parlamentari preżenti għandu membri li saħansitra l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista għalqilhom il-bieb milli jikkontestaw għal din l-elezzjoni.

Minkejja din il-kontradizzjoni…. huwa insista li mal-Labour taf fejn sejjer il-pajjiż. Biċ-ċifri u s-surveys juru biċ-ċar li sfortunatament taħt amministrazzjoni Laburista, il-pajjiż sejjer f’aktar traffiku, aktar żvilupp mhux sostenibbli…u aktar ansjetà fost il-familji Maltin u Għawdxin, f’Malta li int ċertament m’għadekx tista’ tagħraf.