Internazzjonali

Stati Uniti: Il-President Trump jgħid li ma kienx inkwetat dwar l-isparatura…fost indikazzjonijiet li l-membri l-oħrajn tal-Amministrazzjoni kienu fil-mira tal-aggressur

:

Fl-Istati Uniti, għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet dwar l-isparatura, fi tmiem il-ġimgħa, li seħħet fil-lukanda Washington Hilton ta’ Kalifornja u f’ħin meta l-President Amerikan Donald Trump u l-ogħla uffiċjali tal-Amministrazzjoni kienu qed jattendu għall-White House Correspondents Dinner.

Sadanittant, żdiedu l-indikazzjonijiet li l-aggressur responsabbli kellu l-ħsieb li jattakka lill-membri tal-Kabinett ta’ Trump – għalkemm, fl-istess ħin, mhux eskluż li l-President innifsu ma kellux ikun mira speċifika ta’ dik l-azzjoni.

Qed jiżdiedu wkoll il-mistoqsijiet dwar kif ir-raġel seta’ jasal viċin is-sala fejn kienet qed issir l-ikla waqt li kien, allegatament, armat sa snienu bl-armi tan-nar kif ukoll bi skieken.

Hemm il-mistoqsijiet dwar kif hu seta’ għadda mill-metal detectors u meta l-lukanda kienet mimlija bil-membri tas-servizzi sigrieti li jiffurmaw is-security detail tal-President.

L-aggressur, Cole Tomas Allen, inżamm taħt arrest wara li laħaq spara għal membru tas-sigurtà li salva b’ħajtu biss għaliex kien liebes bullet-proof vest. L-isparatura seħħet f’checkpoint tas-sigurtà fil-foyer tal-lukanda u qabel l-aggressur spiċċa mrażżan mill-aġenti tas-servizzi sigrieti.

Malli nstemgħet l-isparatura, Donald Trump, martu Melania u l-Viċi-President Amerikan, JD Vance, kienu evakwati b’urġenza mis-sala fejn kienet qed issir l-ikla, avolja ma kien hemm l-ebda periklu ‘immedjat’ għalihom peress li l-aggressur kien għadu fis-sular ta’ fuq tal-lukanda.

Il-President Trump, issa, qed jgħid li ‘ma kienx inkwetat dwar l-ispartura’… U f’intervista lill-istampa, sigħat wara, Trump qal li ‘jifhem li dawn l-affarijiet jiġru u li, fi kliemu, ‘qegħdin ngħixu f’dinja dominata minn episodji kompletament barra minn lokhom’.

Fil-fatt, Allen, li hu għalliem u li jirreferi għalih innifsu bħala’game developer’, kien fost il-mistednin għall-avveniment tas-Sibt fil-lukanda.

Intant, hu kellu jitressaq il-Qorti, f’Washington, biex jinqrawlu l-akkużi formali b’konnessjoni mal-isparatura u li kienu mistennija li jitrattaw attentat għall-qtil tal-massa.

L-aħħar rapporti qalu wkoll li l-iżviluppi ta’ wara l-inċident xokkanti ma kellhomx jaffettwaw iż-żjara statali fl-Istati Uniti tar-Re Karlu tal-Ingilterra…Żjara li tibda proprju l-lejla u fejn ir-Re, fost oħrajn, se jkun qed jiltaqa’ mal-President Trump u membri għoljin oħra tal-Amministrazzjoni f’Washington fi żmien meta r-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u r-Renju Unit għaddejjin minn żmenijiet ta’ tensjoni.

Dan wara li Trump ikkritika u kkundanna kemm-il darba lill-Britanniċi talli huma ma daħlux direttament fil-Gwerra tal-Iran fuq in-naħa tal-Amerikani.