Futbol Sport

Tibda ġimgħa ta’ preparazzjoni intensa. Kampjonat deċiz b’decider jew b’Final Four?

Ritratt ta' Joseph Galea
Ritratt ta' Joseph Galea

Ir-rebħa ta’ Ħamrun Spartans kontra Floriana u t-tliet rebħa mill-aħħar erbar’ partiti li Marsaxlokk lagħbu fil-Malta Premier, meta fit-tmiem il-ġimgħa għelbu lil Valletta 1-0, iħallu kollox inċert sal-aħħar għal dak li jista’ jiġri fl-aħħar match day tal-Kampjonat.

X’hemm ċert s’issa?

Qabel it-32 ġurnata tal-Malta Premier, li se tkun l-aħħar waħda tal-Kampjonat, b’ċertezza nafu li s’issa se jkolna decider żgur biex ikun magħruf min se jirbaħ il-Malta Premier ta’ dan l-istaġun. F’dan il-każ id-decider se jkun qed jintlagħab bejn Ħamrun Spartans u Floriana, rebbieħa tal-Opening Round u l-Closing Round. Iżda jista’ jagħti l-każ li skont ir-riżultati u allura l-klassifikazzjoni tat-timijiet wara l-aħħar match day, kemm il-darba Marsaxlokk jispiċċaw it-tieni fil-Kampjonat, allura x-xenarju jinbidel xi ftit.

Għaliex?

Jekk Ħamrun Spartans jonqsu milli jispiċċaw it-tieni fil-Closing Round, il-Kampjonat se jerġa’ jkun qed jiġi deċiz b’Final Four, li jfisser li jkolna żewġ semi-finali u eventwalment finali, biex jiġi deċiz ir-rebbieħ tal-Kampjonat. Fl-eventwalità ta’ xenarju ta’ dan it-tip, l-erba’ timijiet se jkunu ż-żewġ rebbieħa taż-żewġ Kampjonati, Ħamrun Spartans u Floriana, u skont klassifika oħra, li l-MPL jirreferu għaliha bħala l-accumulator, iż-żewġ timijiet l-oħra fil-Final Four ikunu Valletta u Marsaxlokk.

X’jiġri jekk wara l-aħħar match day, Ħamrun Spartans u Marsaxlokk jibqgħu bl-istess ammont ta’ punti?

Attwalment, dawn iż-żewġ timijiet għandhom l-istess ammont ta’ punti, u qed jaqsmu t-tieni post tal-klassifika, iżda fit-tmiem tal-Kampjonat, jekk it-tnejn jibqgħu bl-istess ammont ta’ punti, sabiex ikun deċiżiv min spiċċa fit-tieni post, Ħamrun Spartans u Marsaxlokk jilgħabu konfront addizzjonali li jservi bħala decider. Ir-rebbieħ ta’ dan il-konfront jikseb it-tieni post. Skont ir-riżultat ta’ dak id-decider, inkunu nafu jekk aħnix se mmorru għal decider waħda jew Final Four.

Fuq il-karta Marsaxlokk jafu jidhru favoriti li jistgħu jiksbu l-massimu tal-punti filwaqt li Ħamrun Spartans iwaqqgħu żewġ punti jew tlieta. Dan għaliex il-konfront ta’ Ħamrun Spartans hu bil-wisq itqal minn dak tax-Xlukkajri. Iċ-champions Ħamrun Spartans se jkunu qed jagħlqu l-Closing Round b’konfront dirett kontra Valletta, filwaqt li Marsaxlokk se jkunu qed jilgħabu kontra Naxxar Lions.

Iż-żewġ partiti se jintlagħbu fl-istess ħin, u hu imperattiv għal Valletta li tal-anqas ma jitilfux ma’ Ħamrun Spartans, għaliex jekk fuq il-karta Marsaxlokk hi favorita li tirbaħ kontra Naxxar Lions, allura l-uniku mod biex Marsaxlokk jevitaw konfront addizzjonali, li jservi ta’ decider għal min se jispiċċa fit-tieni post, hu li Valletta jiksbu punt jew tlieta kontra Ħamrun Spartans. B’dan il-mod, Marsaxlokk jispiċċaw it-tieni fil-klassifika finali tal-Closing Round, u allura il-verdett deċiżiv għar-rebħ tal-Malta Premier jiġi deċiz permezz tal-Final Four.

Ta’ min jinnota li mill-aħħar 12-il partita bejn Marsaxlokk u Naxxar Lions jeżisti bilanċ perfett fir-riżultati. Erba’ rebħiet fuq kull naħa u erba’ partiti oħra li ntemmu fi draw. Mill-aħħar sitt partiti li dawn it-tnejn affrontaw lil xulxin, erbgħa minnhom kellhom riżultat ta’ draw.

Fil-każ tal-konfronti diretti bejn Ħamrun Spartans u Valletta fl-aħħar tnax-il partita ta’ bejnithon, Ħamrun Spartans f’dawn l-aħħar snin kienu huma l-iskwadra li kellha l-aktar suċċessi, b’seba’ rebħiet minn tnax. Valletta rebħu biss darba, jekk wieħed iqis partita sad-90 minuta u mhux x’ġara wara, iġifieri fil-ħin barrani jew wara l-għoti tal-penalties. Il-bqija tal-partiti spiċċaw fi draw, bl-aħħar konfront kellu riżultat finali sad-90 minuta ta’ 1-1, iżda eventwalment fit-tieni taqsima tal-ħin barrani, Valletta rebħu l-konfront li kien validu mill-Kwarti tal-Finali tal-Meridianbet FA Trophy.

Mill-lum bdiet ġimgħa impenjattiva, għal dawn l-erba’ timijiet, li hu żgur hu li l-eventwalità jekk imorrux għall-Final Four jew le, jiddependi ħafna fuq il-prestazzjoni li se jkunu qed jagħtu Valletta u Marsaxlokk rispettivament.