Mara li għexet ħajja sew, skont l-Evanġelju.
Din kienet Mary Grech – li fil-Knisja tal-Balluta ingħatat l-aħħar tislima, fil-preżentza ta’ qraba, ħbieb u eks-kollegi tagħha mid-dinja tal-palk u t-televiżjoni.
Iċ-ċerimonja tal-funeral fil-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu tmexxiet mill-Kapillan Fr Joshua Cortis filwaqt li l-Evanġelju inqara minn Fr Guido Micallef.

Mary Grech kienet fejn attiva f’din l-istess Knisja, fejn ta’ kuljum kienet tkun għall-quddiesa. Dan filwaqt li ta’ spiss kienet taqra il-qari waqt xi funzjoni. Hija kienet tgħin ukoll bħala lettur fil-Knisja tal-Balluta.
Waqt l-omelija, intqal li hi stess kienet qalet lill-qraba tagħha li kienet lesta biex tgħaddi għall-ħajja ta’ dejjem. U dan juri kemm hija kellha fidi b’saħħitha – tant li kienet lesta biex tmur tiltaqa’ mal-Mulej.
Mary Grech mietet il-Ġimgha 24 ta’ April fl-eta ta’ 88 sena.
Hija kienet waħda mill-pijunieri tax-xandir f’Malta u fost l-ewwel uċuħ li dehru fuq it-televiżjoni Maltija meta beda x-xandir fl-1962.
Bħala attriċi, dehret fi produzzjonijiet popolari ħafna fosthom Ipokriti, Santa Monika, It’s Morris u One Star Hotel.
Hi kienet ukoll taqra l-aħbarijiet, irrapurtat mill-Parlament, u kellha karriera fir-radju.
Mary kienet miżżewġa lil attur Victor Grech li miet fl-2024, u flimkien kellhom żewġ ulied.
//= $special ?>

